“Il-Ministru Herrera missu jirreżenja għax ma jifhimx fl-ambjent” – Cacopardo

Iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li l-Ministru għall-Ambjent José Herrera missu jirreżenja għax huwa inkompetenti fi kwistjonijiet ambjentali. Dan qalu b’rabta mal-kummenti tal-Ministru fil-Parlament, meta qal li huwa favur ir-riklamazzjoni tal-art billi s-skart jintefa’ fil-baħar.

Cacopardo qal li n-nies japprezzaw is-sbuħija tal-baħar Malti, iżda l-Ministru għall-Ambjent ma jagħrafhiex din is-sbuħija, u qed jinsulta l-intelliġenza tal-pubbliku billi jagħmel kummenti baxxi u stupidi bħal dawn. Qal dan waqt konferenza stampa tal-Alternattiva Demokratika quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar. F’din il-konferenza, l-AD qalet li l-policy paper tal-pompi tal-petrol ma tridx titqies waħedha, iżda bħala parti integrali mill-policy ġenerali tat-trasport.

Il-partit enfasizza l-importanza tal-bżonn li jonqsu l-karozzi mit-toroq u tal-policy tal-elettrifikazzjoni, li t-tnejn jagħmlu parti mill-policy tat-trasport.

L-AD qalet ukoll li filwaqt li l-proposta għal policy tal-pompi tal-petrol aħjar milli kien hemm, din tħalli lakuni kbar peress li tikkunsidra żvilupp ta’ ODZ f’pompa tal-petrol bħala xi ħaġa li mhix marbuta mal-agrikoltura, u din hi inaċċettabbli għall-AD. L-AD insistiet li meta art ODZ ma tkunx tista’ tintuża aktar għall-użu permess tagħha, din għandha terġa’ tinbidel fl-istat oriġinali tagħha. L-AD żiedet tgħid li qies massimu ta’ 1,000 metru kwadru għal pompa tal-petrol għandu jkun biżżejjed.