Reazzjoni: Il-Ministru Helena Dalli tgħid li l-PN qed jimmina d-demokrazija

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Helena Dalli qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jimmina d-demokrazija meta jattakka l-istituzzjonijiet Maltin.
Saħqet li l-Partit Nazzjonalista jagħmel dan b’mod repetut u fakkret kif ilbieraħ attakka l-Awtorita tax-Xandir għax ma laqgħetx l-ilment dwar il-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena tal-Prim Ministru .
Il-konferenza quddiem il-bini tal-Awtorità tax-Xandir kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fejn qal li “għal Simon Busuttil, jew taqbel miegħu jew inkella jattakak”.
Qal ukoll li meta l-Awtorità timxi b'mod ġust u ma tilqax l-ilmenti tal-Partit Nazzjonalista ma jfissirx li ma tkunx imparzjali imma li qed taqdi dmirha.
Dwar kif intlaqa’ l-messaġġ tal-Prim Ministru għall-ewwel tas-sena, Owen Bonnici qal li d-deċiżjoni tal-Awtorita tax-Xandir turi b'mod ċar li l-messaġġ kien imparzjali, ikun x’ikun l-oppinjoni tal-pubbliku ġenerali.
Dwar il-każ ta’ Michael Falzon, il-Ministru Bonnici qal li b’differenza minn Gvernijiet oħra, dan il-Gvern refa’ r-responsabbilità politika u Michael Falzon irreżenja minn Segretarju Parlamentari.
Fakkar kif fis-snin preċedenti kien hemm diversi rapporti tal-Awditur Ġenerali li kkritika l-operat tal-Ministri imma ħadd ma kien irriżenja.
Reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista: “Huwa Muscat li jattakka l-istituzzjoniijet indipendenti ta’ pajjiżna”
Bi tweġiba, il-Partit Nazzjonalista qal li “jekk hemm persuna li jattakka kull istituzzjoni li tgħid il-verità, huwa Joseph Muscat, li jew hu, jew il-membri tal-Kabinett tiegħu, infexxew f’attakk wara l-ieħor fuq l-istituzzjonijiet indipendenti.”
Il-Partit Nazzjonalista qal li din il-ġimgħa stess, Joseph Muscat kif ukoll Michael Falzon infexxew f’attakk fuq l-Awditur Ġenerali u attakkaw l-indipendenza tiegħu.
Kompla jgħid li fil-ġimgħat li għaddew il-Prim Ministru u Ian Borg attakkaw lill-Ombudsman u li d-Deputat Laburista Joe Debono Grech infexx jgħajjar lil Marlene Farrugia fil-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li hu l-Gvern, “li fil-kriżi ta’ korruzzjoni li jinsab fiha, jattakka lil kull min ma jaqbilx miegħu.”