“Il-Ministru għat-Turiżmu qed iżomm mas-sidien tal-gentlemen clubs”

Il-Konfederazjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa Maltin (MCWO) qalet li meta l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li m’hemmx rabta bejn l-istrip clubs u l-prostituzzjoni qed jimplika li qed iżomm mas-sidien tal-clubs li għandhom kull interess li jżommu din id-distinzjoni meta fir-realtà m’hemm ebda distinzjoni.
Fi stqarrija l-MCWO reġgħet tenniet li hemm rabta bejn il-gentlemen clubs mal-prostituzzjoni u t-traffikar tan-nisa.
Saħqet li meta l-industrija tal-istripping tiġi kklassifikata bħala divertiment tal-adulti jkun qed jitwassal il-messaġġ li l-prostituzzjoni għandha tiġi aċċetta bħala xi ħaġa normali.
F’dan l-isfond il-Konfederazzjoni qalet li dawn il-clubs m’għandhomx jissejħu gentlemen clubs għax m’hemm ebda rġulija fihom.
Żiedet tgħid li riċerka barranija turi li l-ebda kodiċi ta’ kondotta u regolamentazzjoni imposta fuq dawn il-clubs ma wasslet biex teqred il-bejta għat-traffikar tan-nisa u l-prostituzzjoni.
Hija ħeġġet lill-Gvern biex jikkonsultaha qabel ifassal il-liġi u mhux wara.