Il-Ministru għat-trasport ma jridx li tkun Mercedes li tiċċertifika l-Bendy Buses

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi mhux lest li jaċċetta li tkun il-kumpanija Mercedes li tiċċertifika is-sigurta’ tal-Bendy Buses.

Il-Ministru qed jinsisti li trid tkun kumpanija internazzjonali indipendenti li tiċċertifika jekk il-Bendy Buses humiex tajbin għat-toroq Maltin u joffru sewqan fis-sigurta’.

Mercedes-Benz Citaro hija l-kumpanija li immanifatturat il-Bendy Buses.

Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt żvela kif tekniku barrani minn Daimler-Mercedes wasal Malta biex jinvestiga l-Bendy Buses li kienu involut fil-każi ta’ ħruq.

Kienet Nada Filipovic minn Daimler, li fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li sarulha minn Newsbook.com.mt żvelat dan.

L-Erbgħa intemmu t-48 siegħa li kienu ngħataw mill-Ministeru għat-Trasport lill-Arriva biex twieġeb għar-rapport li sar fir-rigward tal-ħruq fuq il-Bendy Buses.

Il-Ministru għat-Trasport qed jistenna r-risposta tal-Arriva u sadanittant il-Bendy Buses se jibqgħu wieqfa.