Il-Ministru għat-Trasport jitlob li r-rotta X1 tmur lura għal li kienet

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li l-waqfa fl-isptar Mater Dei għandha terġa’ tiddaħħal fir-rotta X1, li hi l-unika rotta express minċ-Ċirkewwa lejn iċ-ċentru ta’ Malta. Wiegħed li l-loġistika ta’ din il-bidla se tkun diskussa l-ġimgħa d-dieħa f’laqgħa teknika.
F’laqgħa mal-membri tal-Front Favur il-Mina, li għaliha kien preżenti ċ-Ċermen ta’ Transport Malta, James Piscopo, tressaq it-tħassib tal-Front dwar it-tibdil f’din ir-rotta, li tintuża l-aktar minn dawk li jmorru l-isptar, l-Università jew l-Ajruport.
Intant il-Front emfasizza l-bżonn ukoll li mingħajr aktar dewmien, isiru l-istudji dwar il-mina proposta bejn Malta u Għawdex.
Iċ-Ċermen ta’ TM qal li għaddej xogħol ma’ kumpanija barranija biex sal-aħħar tas-sena isiru t-tħejjijiet sabiex jibdew l-istudji ġeoloġiċi. 
Ma' Newsbook.com.mt, kelliem għal Transport Malta kien qal li permezz tat-tibdil fir-rotta, l-X1 ġiet imqassra bi 800 metru fil-Mellieħa, iżda ammettiet li jista’ jkun hemm dewmien minħabba t-traffiku.
Ritratti: maltabuses.piwigo.com