Il-Ministru għat-Trasport jirċievi abbozz tar-rapport dwar il-ħruq tal-bendy buses

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi dalgħodu rċieva l-abbozz tar-rapport dwar l-inċidenti tal-bendy buses wara li l-ġimgħa l-oħra ħadu n-nar tliet bendy buses tal-Arriva.

Wara dawn l-inċidenti, Transport Malta u l-Ministeru talbu lill-Arriva biex tneħħi mit-toroq it-68 bendy bus li kienu qed joperaw.

Kelliema għall-Ministeru qalet li r-rapport rċievewh qabel l-għaxra ta’ dalgħodu u l-ġimgħa d-dieħla l-Ministeru għat-Trasport se jkollu f’idejh ir-rapport iddettaljat, hekk kif il-Ministru Mizzi llum se jsiefer fuq xogħol.

Il-kelliema kkonfermat li “r-rapport se jkun ippubblikat fil-ħin opportun u se jkun hemm ukoll l-ismijiet ta’ min ħa ħsieb l-investigazzjoni”.

Newsbook.com.mt hu infurmat li espert tekniku minn Daimler-Mercedes, il-kumpanija li mmanifatturat il-bendy buses tal-Arriva, qed jinvestiga l-karozzi tal-linja li kienu involut fil-każi ta’ ħruq fil-jiem li għaddew.

Kelliema għall-kumpanija, qalet li fuq medda ta’ 16-il sena, inbiegħu aktar minn 35,000 bendy bus, Mercedes-Benz Citaro.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Ministru Joe Mizzi qal li għal kull karozza li bħalissa qed tintuża minflok bendy bus, l-Arriva qed tħallas madwar €55 kull siegħa lill-operatur UBS (Unscheduled Bus Service) li min-nhar l-Erbgħa beda jopera karozzi oħra minflok il-bendy buses.

Dan ifisser li l-Arriva qed tħallas madwar €70,000 kuljum lill-UBS.