Filmat: Għadu ma nstabx il-varjant tal-coronavirus f’Malta – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Posted by Chris Fearne on Monday, December 21, 2020

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne llum indirizza konferenza tal-aħbarijiet, li fiha ħabbar li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini approvat il-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer kontra l-coronavirus, biex b’hekk, dan issa se jibda jitqassam fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel tilqima f’Malta se tingħata nhar il-Ħadd li ġej fid-9am lil infermiera mit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei.

Fl-istess konferenza huwa indirizza t-tħassib li għandhom ħafna Maltin bħalissa, dwar il-varjant tal-coronavirus. Fearne assigura lin-nies li s’issa għadu ma nstabx il-varjant tal-coronavirus f’Malta.

Huwa appella sabiex kulħadd jibqa’ jsegwi l-miżuri fil-festi li resqin.

Minuta minuta mill-konferenza

15:51 Il-konferenza ġiet fi tmiemha. Grazzi talli segwejtuna.
Charmaine Attard
15:50 Appella li kull min jirċievi l-invit biex jieħu t-tilqima, imur jeħodha għas-saħħa tiegħu u ta' madwaru.
Charmaine Attard
15:49 Fearne jisħaq li s-side effects tal-vaċċin tal-Covid-19 mhumiex kbar. Huma aħjar milli li tlaqqat il-marda.
Charmaine Attard
15:46 Il-Ministru għas-Saħħa saħaq li kulħadd għadu fl-obbligu li jsegwi l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa "għax il-prijorità tagħna hija s-saħħa ta' kull wieħed u waħda minna".
Charmaine Attard
15:44 Fearne insista li tkun idea ħażina li tistieden in-nies id-dar, speċjalment l-anzjani.
Charmaine Attard
15:43 Prof. Gauci tispjega li min ikun ħa l-ewwel doża jkollu ċertu immunità. Kif tieħu d-doża tkun kopert 95%. Imma persuni esposti għall-persuni pożittivi, xorta jridu jieħdu l-prekawzjonijiet u jagħmlu kwarantina.
Charmaine Attard
15:42 Għaddejjin diskussjonijiet biex jaraw jekk min jivvjaġġa ikunx obbligat li jitlaqqam bil-vaċċin tal-Covid-19.
Charmaine Attard
15:41 Insista dwar kemm għandna nieħdu ħsieb xulxin. "L-aqwa rigal li nagħtu din is-sena hu li nibżgħu għal xulxin".
Charmaine Attard
15:38 Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, il-Ministru għas-Saħħa qal li dan il-varjant jittieħed aktar malajr, iżda l-effetti tiegħu huma simili għall-virus eżistenti.
Charmaine Attard
15:36 M'hemmx perjodu stabbilit kemm se jieħu żmien it-tilqim tal-vaċċin tal-Covid-19. Jiddependi mill-provvista. Fl-ewwel ġimgħa l-proċess se jittieħed b'kawtela, biex ma jkunx hemm ħela tad-doża.
Charmaine Attard
15:35 Mhux l-ewwel darba li qed naraw varjant. Varjant simili tar-Renju Unit ħareġ ukoll fl-Afrika t'Isfel, imma l-ivvjaġġar lejn l-Afrika t'Isfel hu limitat u ristrett. Dan hu iżjed ta' interess għax qed jifrex il-mikrobu.
Charmaine Attard
15:33 L-imwiet ġeneralment jindikaw dak li jkun ġara madwar sitt ġimgħat qabel. Irrimarka li ġimgħa fuq ġimgħa l-imwiet f'Malta naqsu.
Charmaine Attard
15:31 Kull persuna li se jirċievi l-invit għat-tilqim, se jsib mhux biss id-data u l-ħin imma wkoll il-post fejn għandu jmur. Il-persuni li jaħdmu fl-isptarijiet se jkunu qed jitlaqqmu fl-isptar fejn jaħdmu. Dawk li jaħdmu fil-kura primarja se jieħdu t-tilqima fil-post tax-xogħol tagħhom. L-anzjani fir-residenzi tal-anzjani se jieħdu t-tilqima fir-residenza tagħhom. Dawk li ma jistgħux joħorġu mid-djar tagħhom, se jingħatalhom id-dar stess.
Charmaine Attard
15:31 "Sa issa f'Malta għad ma sibniex dan il-varjant ta' Covid-19."
Charmaine Attard
15:30 Fearne fakkar li dawk il-Maltin li nqabdu l-Ingilterra jridu jagħmlu t-test u anke jekk jirriżultaw negattiv, xorta jridu jagħmlu ġimagħtejn kwarantina.
Charmaine Attard
15:29 Grazzi Sephora. Wasal il-ħin tal-mistoqsijiet.
Charmaine Attard
15:25 Dr Fearne issa qed jirrepeti dak li ntqal bl-Ingliż għar-residenti barranin f'Malta.
Sephora Francalanza
15:25 It-tilqima tingħata f'żewġ dożi – wara ftit jiem li tieħu l-ewwel doża, diġà jkollok reazzjoni ta' immunità, imma mbagħad xorta trid tieħu l-booster ħalli jinħalaq livell ogħla ta' immunità.
Sephora Francalanza
15:24 Jekk tkun ittieħdet it-tilqima, u mbagħad il-ġisem jiġi espost għall-virus, se jkun jaf x'għandu jagħmel, x'antikorpi jrid jipproduċi biex joqtol il-virus.
Sephora Francalanza
15:22 Huwa jagħti dettalji tekniċi fuq kif jaħdem il-vaċċin.
Sephora Francalanza
15:21 Dr Borg jgħid li l-vaċċini kollha kienu ta' 3 tipi s'issa, iżda dan il-vaċċin huwa qabża fenomenali fejn tidħol it-teknoloġija, għax il-vaċċin ma fih l-ebda traċċa tal-virus fih.
Sephora Francalanza
15:21 Imiss issa li jitkellem Dr Borg b'dettalji tekniċi fuq il-vaċċin.
Sephora Francalanza
15:20 Se jitħallew jiġu Malta biss Maltin li qegħdin ir-Renju Unit, jew nies li joqogħdu Malta. Meta jiġu jridu jagħmlu ġimagħtejn kwarantina.
Sephora Francalanza
15:19 Fuq il-varjant, Prof. Gauci tgħid li l-pajjiżi kollha qed jieħdu miżuri ta' prekawzjoni, u kien għalhekk li ġie deċiż li ma jitħalliex vjaġġar bejn Malta u l-Ingilterra.
Sephora Francalanza
15:18 Anke fuq nisa tqal it-trials għadhom limitati. Bħala prekawzjoni ma jistgħux jieħdu l-vaċċin għalissa. In-nisa huma inkoraġġiti jevitaw li jinqabdu tqal fix-xhur wara li jieħdu l-vaċċin ukoll.
Sephora Francalanza
15:17 Prof. Gauci tispjega li t-tilqim jiġi żviluppat u riċerkat fuq l-adulti. Għad m'hemmx biżżejjed clinical trials li saru fuq tfal ta' inqas minn 16-il sena – u għalhekk għalissa l-vaċċin mhux se jingħata lil dawn.
Sephora Francalanza
15:17 Bħala side effects issemmi affarijiet minimi bħala ftit deni, għeja u wġigħ ta' ras. Dawn, iżda, ma jdumux ħafna. Tinsisti li dawn m'għandhomx iżommuna milli nieħdu l-vaċċin.
Sephora Francalanza
15:16 Tgħid li jekk wieħed iqabbel il-ftit side effects li persuna jista' jkollha ma' dak li tista' tagħmillek il-marda tal-Covid-19, żgur tieħu t-tilqima.
Sephora Francalanza
15:15 Prof. Gauci tgħid li l-appell tal-awtoritajiet hu li kulħadd jieħu l-vaċċin.
Sephora Francalanza
15:15 Tibda titkellem Prof. Charmaine Gauci, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.
Sephora Francalanza
15:14 "Kuntent ħafna – għamilna ħafna konferenzi, ħafna drabi aħbarijiet koroh, imma llum aħbar sabiħa. Bdejna t-triq biex is-saħħa terġa' tieħu r-ruħ."
Sephora Francalanza
15:14 "Ejja nagħtu l-isbaħ rigal lil xulxin billi nkunu responsabbli għal xulxin."
Sephora Francalanza
15:14 Appella biex in-nies jibqgħu responsabbli.
Sephora Francalanza
15:13 Skont Fearne, il-varjant ma jidhirx li jagħmel aktar ħsara imma jidher li jittieħed aktar faċilment. Madankollu, jidher li l-vaċċin jaħdem fuq dan il-varjant ukoll.
Sephora Francalanza
15:12 Isemmi l-varjant tal-coronavirus – bħall-kumplament tal-pajjiżi Ewropej, ġew sospiżi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit b'mod temporanju.
Sephora Francalanza
15:12 Fearne jgħid li l-vaċċin se jagħmel differenza f'ħajjitna.
Sephora Francalanza
15:11 Il-Ministru qal li huma jappellaw biex kulħadd jitlaqqam, imma min mhux beħsiebu jieħu t-tilqima għandu jinforma lill-awtoritajiet tas-saħħa.
Sephora Francalanza
15:10 Dr Fearne jgħid li twaqqaf helpline 145 għal dawk li jkollhom bżonn xi għajnuna fuq il-vaċċin, b'mod partikolari għal min ma jistax jieħu t-tilqima fid-data u l-ħin indikat.
Sephora Francalanza
15:09 Fis-7 ta' Jannar se jinħarġu ittri lin-nies li għandhom aktar minn 85 sena bid-dettalji fejn jistgħu jieħdu l-vaċċin.
Sephora Francalanza
15:09 Bejn l-1 u s-6 ta' Jannar se jitlaqqmu l-pazjenti u l-ħaddiema fir-residenza San Vinċenz de Paule. Il-ġimgħa ta' wara tingħata t-tilqima lil dawk f'residenzi oħra tal-anzjani.
Sephora Francalanza
15:09 Fit-30 ta' Diċembru jibdew jitlaqqmu dawk li jaħdmu f'Monte Karmeli, fl-Isptar Boffa, fl-Isptar San Tumas u fl-Isptar Good Samaritan.
Sephora Francalanza
15:08 Imbagħad jitlaqqmu l-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Sephora Francalanza
15:07 Mill-għada t-28 ta' Diċembru, ikomplu jitlaqqmu l-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei, u tibda tingħata t-tilqima lil dawk li jaħdmu fil-kura primarja u fiċ-ċentri tat-testijiet madwar Malta u Għawdex.
Sephora Francalanza
15:07 L-ewwel persuna se tkun infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei. Magħha se jitlaqqmu ħaddiema oħra f'din it-taqsima u fl-ITU, flimkien ma' oħrajn.
Sephora Francalanza
15:06 Dr Fearne jgħid li l-Ħadd li ġej fid-9am se tingħata l-ewwel tilqima.
Sephora Francalanza
15:05 Kull nhar ta' Tnejn se nibdew nirċievu eluf ta' dożi.
Sephora Francalanza
15:05 Hu ppjanat li s-Sibt li ġej, tasal l-ewwel konsenja tal-vaċċin, b'10,000 doża. Eluf oħra jaslu t-Tnejn 28 ta' Diċembru.
Sephora Francalanza
15:04 Dr Fearne rringrazzja lil Dr Deo Debattista u lill-ħaddiema tal-awtorizzazzjoni tal-mediċini f'Malta tal-ħidma tagħhom, biex b'hekk Malta se tieħu t-tilqima flimkien mal-pajjiżi l-kbar fl-UE.
Sephora Francalanza
15:03 Għalhekk, fis-sigħat li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea tagħti l-awtorizzazzjoni biex il-vaċċin jintuża fil-pajjiżi Ewropej.
Sephora Francalanza
15:03 Fis-sigħat li ġejjin, mistenni li l-UE tieħu din ir-rakkomandazzjoni.
Sephora Francalanza
15:03 Il-Ministru għas-Saħħa jgħid li l-Aġenzija tal-Mediċina Ewropea approvat il-vaċċin ta' Pfizer u BioNTech.
Sephora Francalanza
14:59 Jidher li din il-konferenza se tkun indirizzata minn żewġ persuni oħra apparti mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Sephora Francalanza
14:58 Ninsabu fil-binja tal-Ministeru tas-Saħħa fejn il-konferenza mistennija tibda minn ħin għall-ieħor.
Sephora Francalanza
14:58 Insellmulkom u nilqgħukom għal dan il-blogg.
Sephora Francalanza

Il-konferenza kienet dwar kif illum, l-Aġenzija tal-Mediċina Ewropea approvat il-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer kontra l-coronavirus.

Fost suġġetti oħra, il-konferenza trattat l-aħħar żviluppi dwar il-pandemija, partikolarment it-tifrix tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li nstab fl-Ingilterra, li wassal biex diversi pajjiżi jagħlqu l-bibien tagħhom għan-nies ġejjin mir-Renju Unit, fosthom Malta.

Wara li lbieraħ instab każ tal-varjant fl-Italja, dalgħodu l-Gvern ħabbar li dawk li jiġu mir-Renju Unit iridu jagħmlu kwarantina obbligatorja. Ftit tas-sigħat wara, il-Gvern qal li qed jissospendi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit minn għada.