Il-Ministru għal Għawdex dwar dak li għaddej fix-Xlendi

MGOZ - George Scerri

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kkonfermat li x-xogħol biex jiġi organizzat il-parkeġġ fix-Xlendi se jibda wara s-sajf. Hija kienet qed twieġeb lil żewġ deputati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista li staqsew mistoqsijiet speċifiċi dwar it-tip ta’ xogħol li qed isir fix-Xlendi.

Il-Ministru Caruana qalet li dan il-proġett qed isir minn fondi Ewropej u qalet li x-xogħlijiet għaddejjin skont l-iskeda.

Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said staqsa b’mod partikolari dwar ix-xogħol li qed isir bħalissa, minn huma l-kuntratturi u kemm tħallsu sa issa.

Dwar ix-xogħol preparatorju, il-Ministru qalet li kien hemm diskussjonijiet ma’ Birdlife Malta biex id-dwal li se jitwaħħlu jkunu adattati għall-ambjent u jfixklux lill-għasafar. Spjegat li diskussjonijiet oħra seħħew mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex ir-rilokazzjoni tas-siġar issir taħt id-direzzjoni tal-uffiċjali tal-Awtorità.

F’Jannar li għadda, Newsbook.com.mt kien żvela kif il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi se jwassal sabiex is-siġar li hemm jitwarrbu għall-ġenb biex jikber il-parkeġġ.

AQRA: Is-siġar jitwarrbu għall-ġenb biex jagħmlu wisa’ għal parkeġġ

Fit-tweġiba li l-Ministru tat fil-Parlament ma weġbitx dwar min huma l-kuntratturi li tqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol u lanqas jekk sarux sejħiet pubbliċi.

Xogħol fuq il-parkeġġ jibda wara s-sajf

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar staqsa dwar l-ispazju li fih jinżammu d-dgħajjes. Huwa qal li dawn bħalissa qed jitpoġġew fl-ispazju riservat għall-vetturi u staqsa jekk hux possibli li jitpoġġew f’post ieħor biex jagħmlu wisa’ għall-karozzi. Il-Ministru spjegat li x-xogħol fix-Xlendi maqsum fi tliet fażijiet bl-aħħar fażi tkun dik tal-organizzazzjoni tal-parkeġġ li huwa skedat għal wara s-sajf.

Hija spjegat li fl-ewwel fażi hemm ir-riġenerazzjoni tal-boathouses u din tinsab kważi lesta filwaqt li t-tieni fażi tinkludi d-drystanding area fejn jitpoġġew id-dgħajjes kif jittellgħu mill-baħar. Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq din iż-żona.