“Il-Ministru Fearne weġġa’ n-nies” – Fenech Adami

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami għamel apoloġija għal dak li ntqal fil-Parlament fl-aħħar jiem u tkellem b’mod partikolari dwar il-kummenti tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Fenech Adami qal li b’dak li qal il-Ministru Chris Fearne li wild li ntilef fil-bidu tat-tqala mhux uman u l-kummenti li jirreferu għall-embrijun bħala sett ta’ tmien ċelloli weġġgħu ħafna nies Fearne ħafna nies batew.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami beda d-diskors tiegħu billi qal li d-dibattitu dwar l-emendi għall-liġi għall-protezzjoni tal-embrijuni hija “materja li jekk ma noqogħdux attenti nistgħu noffendu lin-nies”.
Kompla billi qal li fil-bidu tad-diskors irid li jagħmel apoloġija pubblika jekk bid-diskors tiegħi inkun insensittiv. Qed nagħmel dan għax nemmen li bid-diskorsi li diġa ntqalu weġġajna ħafna persuni li xtaqu u sal-lum għadhom ma sarux ġenituri.
Estenda din l-apoloġija b’mod speċjali lill-ommijiet li korrew waqt it-tqala.
Fil-Parlament, Fenech Adami qal li mhux teologu jew xjenzat, imma qal li Alla tah don biex iwieġeb għal din il-proposta tal-Gvern.
Sostna li l-liġi mhix qiegħda tagħti l-protezzjoni lil-embrijuni, li reġa’ qal li huma umani. Tkellem ukoll dwar dak li tgħallem fil-filosofija tad-dritt u qal li l-valuri essenzjali li jagħmlu l-ħajja umana ogħla minn kull valur ieħor.
Temm id-diskors tiegħu billi qal li moralment iħoss li ma jistax jivvota favur il-liġi kif proposta mill-Gvern. Appella biex id-diskussjoni tkun miftuħa għal ideat differenti filwaqt li qal li hu “konvint li b’rieda tajba nistgħu naslu”. Sostna li l-ħajja sabiħa u qal li għax hi sabiħa għandna nħarsu l-ħajjiet kollha.

“Dritt inqas għat-tfal li se jitwieldu” – Ryan Callus

Min-naħa tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll id-deputat Ryan Callus u qal li l-minuri għandhom dritt isiru jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi.
Sostna li huwa “inkonċepibbli li t-tfal ma jkunux jafu minn huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom”.
Dwar l-istqarrija tal-Kummissarju għat-tfal dwar dawn l-emendi, Callus qal li din “jew ma qratx l-abbozz jew qratu u interpretatu ħazin”.
Il-fatt li l-liġi ma tippermettix li t-tfal ikunu jafu minn huma l-ġenituri tagħhom, skont Callus dan huwa dritt inqas għat-tfal li se jitwieldu.
Qal li hija xewqa nobbli li l-familja jkollha t-trabi iżda l-liġi oriġinali ħadet ħsieb li tiddefendi wkoll lit-trabi fil-ġuf.
Saħaq li bl-emendi proposti qed tonqos il-protezzjoni għall-embrijun u għalhekk l-isem tal-liġi “għall-Protezzjoni tal-Embrijuni” finalment għandu jinbidel.
Fil-Parlament id-deputat Nazzjonalista semma b’isimhom il-100 professjonisti u akkademiċi. Qal li semmihom b’isimhom biex il-Gvern jirrikonoxxi li mhux l-Oppożizzjoni biss qed titkellem kontra l-emendi kif proposti.