“Ir-regoli tal-funerali se jiġu rilassati” – il-Ministru Fearne

Read in English.

Il-Ministru Chris Fearne qal li l-Gvern qed jistudja kif ir-regoli preżenti ta’ kif isiru l-funerali ta’ dawk li mietu bil-Covid 19, jistgħu jiġu rilassati waqt li tibqa’ tiġi mħarsa s-saħħa pubblika. Għal dan il-għan il-Gvern qed ikollu taħditiet mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci u anke mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Fearne qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg waqt Newsbook Q&A fuq Newsbook.com.mt.

Meta se jasal il-vaċċin?

Matul l-istess intervista, il-Ministru qal li għall-bidu tas-sena d-dieħla mistenni jasal f’Malta u fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea l-vaċċin kontra l-coronavirus. Huwa qal li l-ordni hija kbira biżżejjed biex kull min irid jirċievi l-vaċċin b’xejn jista’ jagħmel dan. X’aktarx li n-nies ikunu jeħtieġu li jieħdu l-vaċċin f’darbtejn, qal il-Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru ġie muri graph li turi kif l-għadd ta’ każi ta’ coronavirus waqt din it-tieni mewġa, huwa ħafna akbar milli kienu waqt l-ewwel mewġa.

“Issa huwa ċar”, ikkummenta l-intervistatur, “il-mewġ qiegħed fl-art mhux fil-baħar u li ħafna qed jgħidu li din il-mewġa setgħet ġiet evitata kieku l-Gvern mexa aħjar.”

Fearne wieġeb illi jekk ikollha ssir graph ta’ x’qed jiġri f’ħafna pajjiżi oħra jinstab li anke f’dawn il-pajjiżi kien hemm żidiet kbar kif kien hemm f’Malta. Huwa qal li din iż-żieda li hawn bħalissa mhux tort ta’ xi miżuri li ħa l-Gvern.

Semma li fost in-nies, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, daħlet ċerta għejja u n-nies mhux qed jieħdu prekawzjonijiet kif kienu jieħdu qabel.

“Dan mhux tajjeb” qal il-Ministru għas-Saħħa li nsista li n-nies jibqgħu jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u kif indikat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Ara l-intervista sħiħa hawn: