“Min qatel lil Daphne hu kriminal bl-għan li jagħlaq ħalq ġurnalisti oħra” – Fearne

Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne llum xehed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-inkjesta għandha l-għan tiddetermina jekk l-Istat setax għamel aktar biex jipprevjeni l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Xi spikka mix-xhieda tad-Deputat Prim Ministru?

  • Teoretikament il-bejgħ tat-3 sptarijiet lil Vitals Global Healthcare kien proġett tajjeb
  • Iltqajt ma’ sid il-VGH darba meta kont għadni Segretarju Parlamentari għas-Saħħa
  • Sirt naf bil-kitchen cabinet ta’ Muscat mix-xhieda tal-Ministru Edward Scicluna fil-Qorti
  • Ir-raġuni li l-Gvern afda ħafna proġetti lil persuna waħda kienet għax “Konrad Mizzi kapaċi jmexxi proġett u biex ikun hemm kontinwità”
  • Ma naqbilx mal-mod kif l-irwol ta’ Chief of Staff evolva tul is-snin
  • Keith Schembri deher li kien qed jaħdem biex ma nerġax nitla’; ir-relazzjoni bejnietna bdiet sejra lura
  • Qatt ma ltqajt ma’ Yorgen Fenech u qatt ma rajt lil Brian Tonna jew Karl Cini f’Kastilja
  • Qatt ma kkomunikajt ma’ Yorgen Fenech; ma kontx naf li kien qrib ta’ xi nies fil-Gvern jew fl-amministrazzjoni
  • Naħseb li l-għan tal-mandant tal-qtil ta’ Daphne kien li jwissi lil ġurnalisti oħra joqogħdu attenti x’jiktbu
  • Sirt naf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 meta tħabbret pubblikament
  • Joseph Muscat qalli li l-assassinju kien l-agħar ħaġa li setgħet ġrat lill-Gvern tiegħu
11:16 Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba.
Sephora Francalanza
11:16 Grazzi talli segwejtuna! Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin tas-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza
11:16 Is-seduta li jmiss se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej fid-9.30am, meta huwa mistenni jixhed il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici.
Sephora Francalanza
11:15 Ix-xhieda tad-Deputat Prim Ministru tintemm hawn.
Sephora Francalanza
11:14 Mistoqsi mill-Bord jekk hu u Muscat qatt iddiskutewx il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Fearne jgħid li Muscat qallu li din kienet l-agħar ħaġa li setgħet ġrat lill-amministrazzjoni tiegħu.
Sephora Francalanza
11:14 Il-Ministru Fearne jgħid li kull Ministru li xtaq jitkellem ma' Joseph Muscat, seta' jagħmel dan wara l-laqgħat tal-Kabinett li kienu jsiru kull nhar ta' Tlieta.
Sephora Francalanza
11:12 L-Avukat Jason Azzopardi jsemmi kif Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat ittra dwar dan li kellha tibqa' sigrieta. Il-Ministru Fearne jikkonferma.
Sephora Francalanza
11:11 Konrad Mizzi ma infurmahx dwar dan.
Sephora Francalanza
11:10 Jgħid li Vitals infurmatu li Mizzi kien irrinunzja d-€9 miljun fuq il-kuntratt tal-isptarijiet.
Sephora Francalanza
11:10 Ftit jiem wara rċieva ittra mingħand Vitals dwar garanzija bankarja. Dak iż-żmien, jgħid Fearne, kien hemm negozjati bejn Konrad Mizzi u Steward Healthcare biex jaraw kif se jipproċedu.
Sephora Francalanza
11:07 Jgħid li wara li nbidel is-sid tal-Vitals, ġie konkluż li din ma kinitx qed tonora l-irwol tagħha. Għal Fearne, dan kien inaċċettabbli.
Sephora Francalanza
11:07 Fearne issa jispjega d-dettalji tekniċi tal-garanzija bankarja li ngħatat lil Vitals.
Sephora Francalanza
11:02 Jikkonferma li kien jikkomunika ma' Keith Schembri u Joseph Muscat fuq WhatsApp, imma qatt ma kellhom konverżazzjoni bejniethom it-tlieta.
Sephora Francalanza
11:02 Fearne jgħid li qatt ma kkomunika ma' Yorgen Fenech u ma kienx jaf li hu qrib ċerti nies fl-amministrazzjoni u fil-Gvern.
Sephora Francalanza
10:59 Mistoqsi dwar meta sar jaf li se ssir elezzjoni bikrija fl-2017, Fearne jgħid li sar jaf meta sar jaf il-pubbliku.
Sephora Francalanza
10:58 Jibda jistaqsi issa l-Avukat Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
10:58 Fearne jwieġeb li min qatilha huwa kriminal, u li jaħseb li l-għan tal-mandant/i kien li jwissu lil ġurnalisti oħra biex joqogħdu attenti x'jiktbu u jippubblikaw.
Sephora Francalanza
10:57 L-avukata issa tistaqsi jekk Fearne jaħsibx li l-libertà tal-espressjoni kienet taħt theddida f'Malta qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:52 Jgħid li li kieku kellu jara lil Karl Cini, ma jaħsibx li jagħrfu.
Sephora Francalanza
10:52 Fearne jgħid li qatt ma ltaqa' ma' Yorgen Fenech u qatt ma ra lil Karl Cini jew Brian Tonna f'Kastilja.
Sephora Francalanza
10:51 Iżid jgħid li meta staqsa lil Gafà jagħtih spjegazzjoni dwar ir-rabtiet tiegħu mal-Libja, Gafà rrifjuta, u allura waqqaflu l-impjieg.
Sephora Francalanza
10:51 Jispjega li Gafà ma kienx għadu qed jirrapporta lilu, u eventwalment kellu uffiċċju f'Kastilja imma Fearne ma jafx xi rwol kellu.
Sephora Francalanza
10:50 Il-Ministru jgħid li malli laħaq Ministru għas-Saħħa rċieva korrispondenza li Gafà kien involut b'xi mod fl-iskandlu tal-viżas mediċi. B'hekk Fearne temmlu l-impjieg tiegħu immedjatament.
Sephora Francalanza
10:49 Comodini Cachia issa tistaqsi fuq l-irwol ta' Neville Gafà. Fearne jgħid li Konrad Mizzi kien tah xogħol fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.
Sephora Francalanza
10:46 Jgħid li bħala Ministru, appunta kumitat biex janalizza jekk Vitals kinitx konformi mal-KPIs.
Sephora Francalanza
10:43 Tistaqsih jekk talabx għal rapport tad-diliġenza meta laħaq Ministru wara Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
10:42 Comodini Cachia tistaqsi fuq il-proċess wara l-ftehim mal-Vitals.
Sephora Francalanza
10:41 Jgħid li qatt m'aċċessa l-MOU li jinkludi informazzjoni tal-Gvern.
Sephora Francalanza
10:40 Jispeċifika li hemm żewġ memorandums of understanding għaliex hemm dak li ngħata lill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali (NAO). Dak talab kopja tiegħu, imma l-NAO infurmah li ma jridx jippubblikah.
Sephora Francalanza
10:40 Il-Ministru għas-Saħħa jgħid li sal-lum għadu qatt ma ra l-ftehim li ġie ffirmat mal-Vitals, qatt ma talab għal kopja.
Sephora Francalanza
10:38 Comodini Cachia issa tibda tistaqsi fuq il-proġett tal-Vitals.
Sephora Francalanza
10:37 Fearne jiddeskrivi dik is-sitwazzjoni bħala waħda stramba peress li l-mozzjoni tressqet minn Marlene Farrugia, u l-Grupp Parlamentari segwa l-istruzzjonijiet tal-Whip, li dak iż-żmien kien Godfrey Farrugia.
Sephora Francalanza
10:36 Il-Bord jgħid li Fearne kien ivvota favur Konrad Mizzi f'vot ta' sfiduċja fih li kien ittieħed.
Sephora Francalanza
10:35 Il-Bord isemmi li r-riżenja tagħhom kienet tard wisq, peress li sadattant, kollox baqa' għaddej normali u dan wassal għal sens ta' impunità li ppermetta li n-nies jagħmlu li jridu u b'hekk eventwalment inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:34 Fearne jgħid li mhux f'idejn il-Kabinett li jinvestiga, u li hu jistenna lill-awtoritajiet li jieħdu l-miżuri meħtieġa meta joħorġu r-rapporti finali tal-inkjesti.

Isemmi li wara l-allegazzjonijiet, il-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff irreżenjaw.
Sephora Francalanza
10:33 Comodini Cachia tistaqsi lil Fearne x'kienet il-pożizzjoni tiegħu meta ġie żvelat li 17 Black hija ta' Yorgen Fenech u li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirċievu l-flus mingħand il-kumpanija fil-kontijiet tagħhom fil-Panama.
Sephora Francalanza
10:28 Iżid jgħid li dak iż-żmien ma deherx li hemm rabta bejn il-kont ta' Konrad Mizzi fil-Panama u l-proġetti li kien responsabbli għalihom.
Sephora Francalanza
10:25 Il-Ministru jgħid li ntrefgħet responsabbiltà politika. Kien hemm elezzjoni ġenerali u Konrad Mizzi reġa' ġie elett, jikkummenta Fearne.
Sephora Francalanza
10:25 Tistaqsih jekk jaħsibx li ntrefgħet responsabbiltà politika fil-mument it-tajjeb.
Sephora Francalanza
10:23 Imiss issa li tistaqsi l-mistoqsijiet l-Avukata Therese Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
10:22 Il-Ministru jikkonferma li hu qatt ma ġie infurmat dwar rapporti mill-FIAU jew minn xi awtorità oħra fuq il-kumpanija sigrieta 17 Black.
Sephora Francalanza
10:20 Fearne jgħid li r-relazzjoni tiegħu ma' Keith Schembri bdiet sejra lura għax kellu l-impressjoni li Schembri kien qed jaħdem biex Fearne ma jerġax jiġi elett.
Sephora Francalanza
10:17 Mistoqsi fejn kien meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, Fearne jgħid li kien mistieden jipparteċipa fi programm fuq il-midja tal-Partit Laburista.
Sephora Francalanza
10:16 Fearne jgħid li ma jaqbilx mal-mod kif l-irwol ta' Chief of Staff evolva tul is-snin, peress li dan mhuwiex elett min-nies u minħabba l-poter kollu li għandha l-pożizzjoni.
Sephora Francalanza
10:16 "Fuq Keith Schembri, Muscat ma kien se jieħu l-ebda azzjoni, u kien se jħallih Chief of Staff tiegħu."
Sephora Francalanza
10:15 Jgħid li billi hu kien Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, id-diskussjoni tiegħu ma' Muscat kienet l-aktar dwar Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
10:14 Fearne jtenni dak li qalu Ministri oħrajn meta xehdu fl-inkjesta, li Joseph Muscat kien tkellem mal-membri tal-Kabinett wieħed wieħed u waħda waħda fuq il-kwistjoni tal-Panama Papers.
Sephora Francalanza
10:13 Il-Bord jinnota, iżda, li minkejja dan, Mizzi baqa' responsabbli mill-aktar proġetti kontroversjali.
Sephora Francalanza
10:12 Il-każ tal-Panama Papers iddiskutieh mal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Joseph Muscat. Jgħid li kien infurmat li Konrad Mizzi mhux se jibqa' Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa.
Sephora Francalanza
10:10 Il-Bord issa jsemmi proġetti dubjużi: l-Università Amerikana f'Malta, il-proġett tal-Vitals u l-powerstation tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
10:09 Id-Deputat Prim Ministru jgħid li r-raġuni tal-Gvern għaliex ħafna proġetti ġew fdati lil persuna waħda kienet li Konrad Mizzi kapaċi jmexxi proġett u biex ikun hemm kontinwità.
Sephora Francalanza
10:08 Il-Ministru Fearne jgħid li ma kienx jaf bil-kitchen cabinet, u sema' bih l-ewwel darba mix-xhieda tal-Ministru Edward Scicluna fil-qorti.
Sephora Francalanza
10:08 Il-Bord issa jistaqsi jekk Fearne kienx konxju li kien hemm kitchen cabinet fi ħdan il-Kabinett.
Sephora Francalanza
10:04 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jesprimi l-frustrazzjoni tal-Bord tal-Inkjesta li s'issa, donnu ħadd ma jrid jerfa' responsabbiltà.
Sephora Francalanza
10:01 Iwieġeb li iva, l-aspett finanzjarju kien diġà sar qbil fuqu ma' Projects Malta u ma' Konrad Mizzi li kien Ministru tas-Saħħa u l-Enerġija dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
10:00 Il-Bord jistaqsi jekk il-ftehim finanzjarju kienx diġà miftiehem qabel ma l-ftehim ġie ppreżentat fil-Parlament.
Sephora Francalanza
09:58 Jgħid li mar Harvard International flimkien ma' Prof. Charmaine Gauci, u għalihom, Steward Healthcare dehret li hi kumpanija professjonali.
Sephora Francalanza
09:57 Il-Ministru jgħid li lanqas kien involut fit-tranżizzjoni minn Vitals għal Steward Healthcare.
Sephora Francalanza
09:55 Iwieġeb li ltaqa' miegħu darba f'Kastilja peress li l-uffiċċju ta' Konrad Mizzi kien f'Kastilja dak iż-żmien. Jerġa' jgħid li teoretikament kien proġett tajjeb.
Sephora Francalanza
09:55 Il-Bord jistaqsi lil Fearne jekk iltaqax ma' Ram Tumuluri, sid Vitals Global Healthcare.
Sephora Francalanza
09:54 Fearne jgħid li kien hemm diskussjoni parlamentari u l-Oppożizzjoni vvutat favur il-proġett għax fit-teorija kien jidher proġett tajjeb.
Sephora Francalanza
09:52 Bħala Segretarju Parlamentari, kien responsabbli għas-servizz tas-saħħa pubblika.
Sephora Francalanza
09:52 Jgħid li ma kienx jaf min kienu l-applikanti l-oħra apparti l-Vitals.
Sephora Francalanza
09:51 Isemmi li kien hemm mistoqsija parlamentari dwar jekk kienx hemm ftehim (memorandum of understanding).
Sephora Francalanza
09:50 Dwar il-ftehim, Fearne jgħid li sar jaf bih riċentament.
Sephora Francalanza
09:50 Eventwalment, jgħid il-Ministru, sar Segretarju Parlamentari taħt il-Ministru tas-Saħħa ta' dak iż-żmien, Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
09:49 Il-Ministru jgħid li meta kien backbencher, kien ikkuntattjah Keith Schembri biex jgħidlu li se jimplimentaw xi bidliet.
Sephora Francalanza
09:47 Jgħid li l-Vitals kienu l-preferuti imma ma ngħatawx il-kuntratt mill-ewwel.
Sephora Francalanza
09:47 Fearne jgħid li kien jaf bil-Vitals Global Healthcare qabel ma ngħataw konċessjoni, imma jtenni li ma kienx involut fil-proċess kollu dak iż-żmien peress li ma kienx Ministru.
Sephora Francalanza
09:45 Il-Bord issa jistaqsi fuq proġetti marbutin mal-bejgħ tat-tliet sptarijiet. Fearne jgħid li ma kienx involut fil-manifest elettorali tal-2013, u li sal-2014 kien Segretarju Parlamentari għas-Saħħa.
Sephora Francalanza
09:43 Jgħid li wara l-elezzjoni tal-2008, iddeċieda li joħroġ għall-elezzjoni tal-2013.
Sephora Francalanza
09:43 Il-Bord jibda billi jistaqsi lil Fearne fuq il-karriera politika tiegħu.
Sephora Francalanza
09:42 Il-Ministru Chris Fearne jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
09:37 L-Avukata Therese Comodini Cachia li tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia tgħid li l-Prim Ministru għandu jintervjeni biss biex jagħti estensjoni għall-inkjesta.
Sephora Francalanza
09:37 Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne diġà jinsab fl-awla.
Sephora Francalanza
09:37 Il-Bord tal-Inkjesta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
09:30 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 20.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech, li kien parti mill-Gvern tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Xi spikka fix-xhieda ta’ Louis Grech?

  • “Jekk kien hemm kitchen cabinet, jien ma kontx naf bih u ma kontx parti minnu”
  • “Sirt naf lil Keith Schembri wara li lħaqt deputat mexxej”
  • “Keith Schembri kellu ħafna poter imma ma kienx joħloqli problemi f’xogħli”
  • “Ma kontx involut fid-diskussjoni tal-proġett tal-powerstation”
  • “Allegazzjonijiet dwar il-powerstation tal-gass għandhom jiġu investigati”
  • “Il-Panama Papers ma kinux aċċettabbli, għedtilhom li se jkollhom riperkussjonijiet serji fuq Malta”
  • “Konrad Mizzi dejjem qal li m’għamel xejn ħażin dwar il-Panama Papers”
  • “Qatt ma kien negozjant bi sħab ma’ Brian Tonna”
  • “L-MOU mal-kumpanija China Communications Construction Company qatt ma kellu jsir għax kienet blacklisted”

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.