Filmat: “Aktar miżuri jekk jibqgħu jiżdiedu l-każijiet” – Il-Ministru

It-tieni vaċċin approvat; kulħadd imlaqqam sal-aħħar tas-sena

Deputy Prime Minister and Minister for Health Chris Fearne addresses a press conference on the COVID-19 vaccine roll-out

Deputy Prime Minister and Minister for Health Chris Fearne addresses a press conference on the COVID-19 vaccine roll-out

Posted by MaltaGov on Wednesday, January 6, 2021

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rrefera għan-numru rekord ta’ każijiet li tħabbar illum, u qal li jekk il-każijiet jibqgħu jogħlew, jistgħu jiddaħħlu miżuri restrittivi l-ġimgħa d-dieħla.

Huwa qal dan hu u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fuq it-tqassim tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Il-konferenza saret fil-Ministeru tas-Saħħa fil-Belt Valletta.

Fearne spjega li ż-żieda drastika fil-każijiet jista’ jkun li ġrat minħabba t-taħlit tan-nies fi żmien il-festi, il-kesħa jew il-varjant il-ġdid. Stqarr li jekk ir-raġuni ewlenija hi t-temp jew il-varjant, jista’ jkun li jittieħdu aktar miżuri restrittivi, iżda ma speċifikax xi jkunu dawn il-miżuri.

Ħafna mill-każijiet li qed jinstabu huma ta’ persuni li għandhom bejn 20 u 34 sena, u dan juri x’kien qed jiġri fil-komunità. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li qed jinstabu gruppi ta’ nies li kienu flimkien f’xi ċelebrazzjonijiet għall-festi, u li b’hekk hu evidenti li kien hemm nies li ma semgħux mill-awtoritajiet u ma qagħdux biss man-nies tad-dar tagħhom.

770,000 doża tal-vaċċin sal-aħħar tas-sena

Illum l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini approvat il-vaċċin tal-Moderna, li Malta għandha tirċievi mal-100,000 doża mingħandha. Il-Ministru Fearne qal li sal-aħħar tas-sena Malta se tkun kisbet 770,000 doża b’kollox, inkluż bil-vaċċin tal-Pfizer u BioNTech, li għandna 670,000 doża ordnati mingħandhom.

Fil-każ tal-vaċċin tal-Moderna, irid ikun hemm erba’ ġimgħat bejn l-ewwel u t-tieni doża, filwaqt li fil-każ tal-Pfizer, iridu jgħaddu tliet ġimgħat. Malta se timxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-kumpaniji, u mhix se tħaffef il-proċess bejn l-ewwel u t-tieni doża kif għamlet, pereżempju, l-Ingilterra.

L-ewwel konsenja tal-vaċċin tal-Moderna tista’ tasal sa tmiem il-ġimgħa d-dieħla, u mistennija tibda tasal konsenja kull ġimagħtejn.

“Tista’ tingħata sa 10,000 doża kuljum”

Il-Ministru ta spjegazzjoni tat-tqassim tal-vaċċin. Qal li sal-aħħar ta’ Jannar, Malta se tkun irċeviet 32,000 doża mingħand Pfizer u BioNTech, u dan ifisser li tista’ tingħata l-ewwel doża lil 16,000 persuna.

Sal-aħħar ta’ Jannar, huwa mistenni li jkunu tlaqqmu 21,000 persuna. Fit-tiri tal-awtoritajiet tas-saħħa hemm li sal-aħħar ta’ Mejju, ikunu tlaqqmu l-frontliners, ir-residenti fid-djar tal-anzjani u n-nies vulnerabbli kollha. Il-pjan hu li mbagħad, f’nofs Mejju, il-kumplament tal-poplu jibda jirċievi l-istedina biex jieħu l-vaċċin.

Fearne qal li b’dan l-ippjanar, tista’ tingħata sa 10,000 doża kuljum, iżda dan ma jfissirx li se jsir hekk.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, huwa qal li s’issa n-nies li tlaqqmu kontra l-Covid-19 f’Malta ma kellhom l-ebda konsegwenzi serji mill-vaċċin. Għall-mistoqsija tal-ġurnalisti, Fearne qal li hu se jieħu l-vaċċin meta jmissu, sakemm ma l-awtoritajiet tas-saħħa ma jitolbuhx jieħdu qabel biex juri kemm huwa sigur.

Il-Kap Eżekuttiv tat-Taqsima tal-Provvisti fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa Carl Farrugia qal li Malta ħadet ħsieb tordna dożi mingħand kumpaniji differenti f’każ li l-vaċċin ta’ xi kumpanija minnhom ma jiġix approvat.

Din il-konferenza ssejħet wara li fl-aħħar jiem, l-unjins ikkritikaw ir-ritmu li bih qed jingħata l-vaċċin, għax qalu li missu jingħata aktar malajr, peress li b’din ir-rata l-poplu Malti se jdum snin biex jitlaqqam.

“Se jissaħħu l-miżuri fl-iskejjel” – Prof. Gauci

Dwar l-iskejjel, il-Ministru Fearne la kkonferma u lanqas ċaħad li l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex ma jiftaħhomx, kif allegat l-MUT illum. Is-Supretendent għas-Saħħa qalet li huma qegħdin f’komunikazzjoni kontinwa mal-Ministeru.

Spjegat li se jkomplu jissaħħew il-miżuri ta’ mitigazzjoni fl-iskejjel, inkluż, pereżempju, fl-iscreening għad-deni. Qalet li din se ssir aktar strinġenti.

Dwar il-varjant, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li s’issa f’Malta nstabu tliet każijiet tal-varjant tal-coronavirus. Dawn kollha kellhom rabta mar-Renju Unit: persuna kellu kuntatt ma’ xi ħadd li ġie minn hemm, u t-tnejn l-oħra kienu koppja li ġiet mill-Ingilterra.

Prof. Gauci tenniet l-appell tal-awtoritajiet tas-saħħa biex kulħadd jimxi mal-miżuri, u qalet li, “Ma nistgħux naffordjaw li jkollna dawn in-numri kbar.” Hija tat il-parir li kull min jirċievi l-istedina biex jieħu l-vaċċin, imur.

Taqbel li jiżdiedu l-miżuri?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt