Il-Ministru Farrugia jżur ħabs fil-Finlandja

MHAS

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia żar ħabs fejn ir-restrizzjonijiet fuq dawk li jkunu qed jiskontaw sentenza ikunu minimi fil-Finlandja. Din żjara saret waqt li l-Ministru jinsab f’Helsinki għall-laqgħa informali bejn il-ministri tad-difiża tal-Unjoni Ewropea.

Il-laqgħa saret fuq jumejn u ġiet fi tmiemha ‘l bieraħ. Il-Ħamis id-diskussjonijiet iffukkaw fuq il-klima u d-difiża, kif ukoll il-koordinament tal-preżenza marittima.

Il-Ministru Farrugia qal li s-sigurtà marittima hi fost il-prijoritajiet ta’ Malta. Huwa stqarr li hemm bżonn azzjoni mmedjata fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali, piraterija, sajd illegali fost attivatijiet oħra. Il-Ministru Farrugia saħaq ukoll dwar l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawk li jaħdmu fis-settur.

Il-Ministru Farrugia tkellem ukoll dwar id-diskussjonijiet li hemm għaddejjin bejn il-Ministri tal-Intern tal-Ġermanija, Franza, l-Italja u Malta, kif ukoll dwar il-laqgħa li se tkun organizzata f’Malta f’nofs Settembru.