Il-Ministru Farrugia jgħid li l-każi ta’ karozzi bomba “konklużi”

Il-Ministru Michael Farrugia qal li ż-żewġ każi ta’ karozza bomba fl-aħħar sentejn ġew konklużi, bl-arrest ta’ dawk allegatament involuti, każ minnhom b’kooperazzjoni mill-viċin mal-Europol.

Fil-każ tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ġiet assassinata permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017, l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Dawn jinkludu l-investigazzjoni fuq l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri dwar ix-xogħol fittizju li ngħata lis-sensar tal-assassinju u tbagħbis mal-evidenza fost l-oħrajn.

Fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċerimonja tal-ogħti taċ-ċertifikati lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, il-Ministru qal li skont stħarriġ li sar, il-fiduċja fil-korp tal-Pulizija qed tkompli tiżdied. Il-Ministru fakkar fil-każi tal-omiċidji li ġraw matul is-sena li għaddiet u li kollha kienu solvuti, fosthom każ diffiċli li ssolva grazzi għat-teknoloġija użata.

Minister for Home Affairs and National Security Michael Farrugia presides over the Malta Police Force award ceremony

Se jiżdiedu l-Pulizija pajżana fit-toroq

Il-Ministru Michael Farrugia qal li se jkunu qed jiżdiedu l-Pulizija pajżana fit-toroq.

Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali ġie spjegat li l-premju tal-Pulizija tas-Sena ngħata lill-RPC Marthese Camilleri talli tul is-servizz tagħha mxiet b’mod eżemplari, onest u b’integrità u b’hekk serviet ta’ mudell għall-membri l-oħra tal-Korp.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li jħossu onorat li għat-tielet sena konsekuttiva r-rata ta’ kriminalità reġgħet naqset. Qal li fl-aħħar sena r-rata tal-kriminalità reġgħet naqset bi 2%, minkejja żdiedet fil-popolazzjoni, l-affluwenza u t-turiżmu. Qal li s-suċċess tal-proġett pilota tal-community policing ġewwa l-Mellieħa, din is-sena, dan il-proġett se jiġi estiż fuq 11-il lokalità oħra. Qal li se jkunu qed jiżdiedu wkoll il-Pulizija pajżana fit-toroq. Semma wkoll il-proġett magħruf bħala hotline biex f’każijiet li għassa tkun magħluqa, wieħed ikun jista’ jagħmel rapport xorta waħda.

Il-Ministru Michael Farrugia semma wkoll l-investiment li qed isir fi ħdan il-Korp. Huwa qal li din is-sena għall-ewwel darba l-Korp se jkollu vetturi u muturi ġodda. Il-Ministru ħabbar li din is-sena se jingħataw vetturi ġodda ghall-RIU. Huwa qal li qed isir investiment li ma jistax jitħabbar minħabba raġunijiet ta sigurtà. Sar ukoll investiment fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-membri tal-Korp, fosthom li ddaħħlet skema ta’ assikurazzjoni għall-membri li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. 

Minister for Home Affairs and National Security Michael Farrugia presides over the Malta Police Force award ceremony

Rikonoxxuti diversi membri fil-Korp

28 membru tal-Korp tal-Pulizija ngħataw iċ-ċertifikat ta’ kommendazzjoni u mertu  bħala rikonoxximent tax-xogħol li wettqu matul l-2019.

Iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp kienet ippreseduta mill-Ministru Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

L-ewwel distrett, li jikkonsisti fil-Belt Valletta u l-Furjana ngħata l-premju tas-Shield tas-Sena. Dan id-distrett irnexxielu jnaqqas ir-rata ta’ kriminalità b’marġni sostanzjali minn dik irreġistrata s-sena l-oħra.

F’din iċ-ċerimonja, 55 eks membri tal-Korp ingħataw ċertifikat u tifkira wara li rtiraw mis-servizz is-sena li għaddiet u li servew fil-Korp għall-25 sena jew aktar.

Minister for Home Affairs and National Security Michael Farrugia presides over the Malta Police Force award ceremony

“Kienet sena ta’ suċċess” – Il-Kummissarju

Fid-diskors tiegħu il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li reġgħet kienet sena ta’ suċċess għall-Korp. Qal li ġew solvuti d-delitti kollha li saru matul is-sena, rekord ieħor ta’ qbid ta’ drogi, każi solvuti ta’ serq, u ħidma kbira fejn tidħol immigrazzjoni. Qal li r-rata tal-kriminalità bejn l-2018 u l-2019 naqset bi 2%, u fl-aħħar tliet snin ir-rata tal-kriminalità naqset b’10%.

Il-Kummissarju Cutajar qal li kamp ieħor li l-Korp tal-Pulizija ħadem fuqu kien dak tal-frodi u ħasil ta’ flus. Qal li sa nofs is-sena d-dieħla din it-taqsima se tkun f’post ġdid u aktar komdu biex twettaq il-ħidma tagħha f’Santa Venera. Cutajar qal ukoll f’dawn l-aħħar tliet snin, minbarra s-suċċessi fit-tnaqqis tal-kriminalità, huwa ra li l-membri tal-Korp ikunu aktar motivati, b’aktar għodod. Semma d-distretti li dejjem ingħataw importanza, u li sa nofs Frar il-vetturi tad-distrett se jkunu kollha ġodda.