Il-Ministru faqa’ l-ewwel bużżieqa tal-baġit fuq l-użu tal-plastik singlu – Thake

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Thake qal li l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia diġà faqa’ l-ewwel bużżieqa tal-Baġit wara li l-Gvern qal li mhux se jkun qiegħed iwaqqaf totalment l-użu tal-plastik singlu minn Jannar 2021.

Waqt il-ħinjiet ta’ mistoqsijiet, id-Deputat Nazzjonalista qal li l-kampanja li l-Gvern se jwaqqaf l-użu totali tal-plastik singlu issa nbidlet u se tkun qiegħda titwaqqaf l-importazzjoni u l-produzzjoni ta’ basktijiet, pożati, straws u platti tal-plastik.

Huwa staqsa wkoll jekk hux se jkun hemm taxxi moħbija fuq l-inizjattivi għall-ekonomija ħadra.

Fi tweġiba tiegħu l-Ministru Farrugia qabbel lill-kelliem għall-Oppożizzjoni ma’ Humpty Dumpty li joqgħod bilqiegħda mingħajr ma jipproponi alternattiva għax-xogħol tal-Gvern.

Żied li l-argumenti tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista juru li huwa kontra l-introduzzjoni tal-prinċipji ta’ min iniġġes iħallas u r-responsabbiltà estiża tal-produttur.