Il-Ministru Falzon jerġa’ jfakkar fil-wegħda li l-anzjani jiżdiedu bi €8

DOI - Jason Borg

Sal-aħħar ta’ din il-leġislatura jiġifieri sal-2022, il-pensjonijiet tal-anzjani se jkunu żdiedu total ta’ €8. Dan qalu l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon li flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis kienu qed jindirizzaw konferenza stampa bi preparazzjoni għall-baġit 2020.

Il-Ministru spjega li matul l-amministrazzjoni preċedenti ż-żieda fil-pensjonijiet kienu friżati madankollu taħt il-Gvern preżenti l-pensjonijiet żdiedu għar-raba’ sena konsekuttiva. Huwa sostna li mill-bidu ta’ din il-leġislatura s’issa l-pensjonijiet żdiedu €4.17 u żied li kif kien imwiegħed il-pensjoni se tibqa’ tiżdied kull sena sa €8. Din iż-żieda qiegħda tolqot 93,000 anzjan.

Matul din il-konferenza l-Ministru Michael Falzon żied li t-tqassim tal-ġid se jkompli billi se jiżdiedu ċ-children’s allowance. Huwa qal li matul dawn l-aħħar snin ċ-ċhildren’s allowance bl-ogħla rata kienet dik ta’ €96 għall kull wild għal dawk il-familji li għandhom dħul baxx inkluż dawk li jaħdmu bil-paga minima. Żied li din kienet l-ewwel żieda fi 11-il sena.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis fid-diskors tiegħu spjega kif permezz tal-ekonomija b’saħħitha, u l-impenn tal-Gvern fil-qasam soċjali, fl-2019 ġew introdotti diversi miżuri li waslu biex il-ġid ta’ Malta jkompli jinqasam.

Huwa semma ż-żidiet fl-allowances għall-persuni b’diżabilità kif ukoll is-servizzi ta’ sapport li dawn il-persuni qed jingħataw fosthom respite sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ tagħhom.