Il-Ministru Chris Cardona fid-Depot

Chris Cardona

Read in English.

Skont sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Chris Cardona qiegħed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fost l-oħrajn dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-investigazzjoni qed tiffoka wkoll fuq dak li żvelat Caruana Galizia dwar il-preżenza tal-Ministru Cardona fil-każ tal-Burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost kienu waqt xogħol.

Il-każ ta’ Acapulco

Jaqgħu l-libelli ta’ Cardona fil-każ ta’ Acapulco

Filmat: Cardona m’għandu xejn xi jżid dwar Acapulco

Issemmiet “persuna oħra ta’ interess”

Newsbook.com.mt infurmat ukoll li in-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, minbarra lill-Ministru Chris Cardona, semma wkoll xi persuna oħra ta’ interess li tista’ tiġi interrogata.

Nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qabel laqgħa tal-Kabinett, qal lill-ġurnalisti li sa dak il-ħin ma kienx jidher li hemm rabtiet ma’ nies fil-politika.

Filmat: Assassinju Daphne: “Ma jidhirx li hemm politiċi involuti”

Il-Prim Ministru kien qed jikkummenta dwar l-aħbar li l-Pulizija interrogaw xufier tat-taxi, li seta’ kien is-sensar bejn il-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-persuni li poġġew il-bomba fil-karozza tagħha.

L-Erbgħa filgħodu Yorgen Fenech ġie arrestat fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu meta allegatament prova jaħrab minn Malta fuq jott tiegħu. Huwa qed jiġi interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju li nqatlet b’bomba fil-karozza li kienet qed issuq f’Ottubru 2017. 

Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Kif Chris Cardona jidħol f’dan kollu?

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona kien issemma mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia meta kien mar fil-burdell ‘FKK Acapulco’ f’Velbert, qrib Düsseldorf fil-Ġermanja. Fit-30 ta’ Jannar 2017, Caruana Galizia kienet irrappurtat li l-Ministru għall-Ekonomija, u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista kien f’burdell. Il-ġurnalista assassinata kienet kitbet li hu kien akkumpanjat minn “Malti ieħor, deskritt bħala “qasir u qargħi”, li s-sors fil-burdell ma setax jidentifika”. Is-sors kien qalilha wkoll li f’dan il-burdell wieħed iħallas €80 inkluż id-dħul, l-ikel u x-xorb, imma mbagħad ikollu jħallas għas-sess mat-tfajliet u n-nisa.
 
Il-Ministru Cardona ċaħad kemm-il darba li kien f’dan il-burdell u baqa’ jinsisti li kien fil-lukanda.  Meta kienet ħarġet l-istorja, Cardona kien iddikjara li kien se jiftaħ sensiela ta’ każi ta’ libelli biex inaddaf ismu. F’temp ta’ ftit jiem, fetaħ erba’ każi ta’ libell u ffriża l-assi finanzjarji tal-ġurnalista. 

Bħala parti mid-difiża tagħha, Caruana Galizia kienet issuġġeriet lill-Qorti titlob il-log tat-telefonati tal-Ministru Cardona. Minn naħa tiegħu Cardona kien irreżista din it-talba, imma l-Qorti aċċettat. Fl-10 ta’ Lulju 2017 il-Qorti talbet lill-kumpaniji tal-mowbajl biex jipprovdu d-data neċessarja. Sadanittant, wara l-assassinju tal-ġurnalista, il-familja tagħha ħadu l-każi kollha pendenti ta’ libell fosthom ta’ Cardona.

Id-Daphne Project, konsorzju tal-ġurnalisti investigattivi, allegatament irrappurtaw li l-Ministru Cardona kien osservat f’bar fis-Siġġiewi, jitkellem ma’ wieħed mill-irġiel li jinsabu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista. Cardona ‘kategorikament’ ċaħad li kien fil-bar fit-3 ta’ Diċembru, jum qabel mat-tlett irġiel kienu arrestati. Żied jgħid li hu kien jiffrekwenta l-bar ta’ spiss u li ma jeskludix il-possibilità li seta’ kien hemm xi ħadd mis-suspettati waqt li hu kien hemmhekk.

Minħabba impenji tal-Gvern, il-Ministru Cardona naqas milli jidher fil-kawża tal-libell f’Mejju u naqas ukoll li jerġa’ jattiva l-każi fiż-żmien preskritt mil-liġi, bil-konsegwenza li l-każ twaqqa’ għal kollox.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, l-MEP Soċjalista Ana Gomes kienet qalet li l-Ministru Cardona waqqa’ l-libell fil-konfront ta’ Caruana Galizia għax għandu xi ħaġa x’jaħbi. L-allegazzjonijiet fil-każ tal-libell jirreferu għall-allegata żjara tiegħu fil-burdell fil-Ġermanja, meta kien suppost qiegħed fuq xogħol tal-Gvern. Gomes qalet li kieku m’għandux x’jaħbi, kien jissottometti hu stess id-data tal-mowbajl tiegħu lill-Qorti.

Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat li l-Ministru għall-Ekonomija li huwa wkoll Deputat Prim Ministru, kien ‘kera’ appartament f’Portomaso minn Silvan Fenech, kuġin ta’ Yorgen Fenech.