Il-Ministru Caruana tinsisti li l-mina ssir

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nsistiet li għandha ssir il-mina bejn Malta u Għawdex f’konferenza li fiha faħħret is-servizz tar-raba’ vapur. Hija spjegat li l-mina se tistabilixxi link permanenti bejn il-gżejjer, ħaġa li ma tistax isseħħ bil-vapuri.

F’konferenza li saret fiċ-Ċirkewwa, il-Ministru Caruana qalet ukoll li fiż-żmien li ġej wieħed jista’ jixtri l-biljetti tal-vapur permezz tal-app il-ġdida tal-Gozo Channel. Spjegat li l-klijenti tal-kumpanija se jkollhom aċċess immedjat għall-iskeda aġġornata tat-traġitti, indikazzjoni fejn wasal il-vjaġġ u faċilità ta’ avviż jekk ikun hemm tibdil fl-iskeda fost l-oħrajn. 

Reġgħet fakkret kif il-vapur Grieg MV Nikolaos se jinżamm sakemm toħroġ sejħa internazzjonali biex il-Gozo Channel tikri vapur għat-tul. 

Il-Ministru Caruana nnutat li l-introduzjoni tar-raba’ vapur kinet inizjattiva li ġiet apprezzata u mfaħħra mill-istakeholders Għawdxin fosthom il-Gozo Business Chamber, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turizmu, il-Grupp Universitarju Għawdxi u l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta.

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li l-app se jużawha mijiet ta’ turisti u Maltin li jaqsmu l-fliegu ta’ kuljum u se tħaffef il-proċess biex il-passiġġieri jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.

DOI/Terry Camilleri