Il-Ministru Caruana jżur il-Libja; Jiddiskuti l-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi

clyde-caruana
clyde-caruana

Read in English.

Il-Mnistru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana għamel żjara fi Tripli, fil-Libja. Matul din iż-żjara huwa kellu diversi laqgħat mad-Deputat Prim Ministru Ahmed Maiteeq, mal-Ministru għall-Intern Fathi Bashagha, u mal-Ministu għat-Trasport Milad Maitouq

Fi stqarrija ġie spjegat li f’dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi temi ta’ interess reċiproku għaż-żewġ pajjiżi, fosthom; il-konnessjoni tal-ajru bejn Malta u l-Libja, it-tkomplija tat-titjiriet tal-ajru tal-linja nazzjonali Air Malta minn u lejn il-Libja, it-taħriġ tal-impjegati fis-settur pubbliku Libjan fil-Gżejjer Maltin, kif ukoll l-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-gazzetta Libyan Herald qalet li Malta qablet li tibda toħroġ ix-Shengen Visas mill-ambaxxata tagħha fi Tripli. Din il-gazzetta qalet li l-Libja tista’ tfittex l-għajnuna ta’ Malta minħabba l-projbizzjoni tat-titjiriet fl-Unjoni Ewropea. Jekk ajruplan Libjan ikun reġistrat Malta, dan jiġi ajruplan Malti li jwassal biex ma jkunx hemm restizzjonijet.

Din iż-żjara issegwi żjara oħra li saret il-ġimgħa li għaddiet mill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana u mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo. F’dawn il-laqgħat il-Gvern Malti offra l-koperazzjoni lill-awtoritajiet Libjani, fis-settur Edukattiv.