Ritratti: Qabda rekord ta’ droga mid-Dwana fil-Port Ħieles

Aġġornat 11:44 AM

Read in English.

612kg ta’ kokaina ġew interċettati fil-Port Ħieles minn uffiċjali tad-Dwana, l-akbar qabda ta’ droga illegali fl-istorja ta’ Malta.

Id-Dwana rrapurtat li d-droga kienet moħbija ġo pallets biż-żejt tat-tisjir, f’vapur li kien ġej mill-Ekwador, waqaf fil-Kolombja, u li għamel waqfa fil-Port Ħieles hekk kif kien sejjer lejn il-Libja.

Uffiċjali tad-Dwana nnutaw diskrepanzi meta dawn il-pallets għaddew minn scanner, u b’hekk iddeċidew jagħmlu spezzjoni fiżika. Dawn il-pallets instabu li kienu itqal milli kien mistenni, u b’hekk uffiċjali żarmaw pallet u sabu li kien hemm pakketti bil-kokaina moħbija.

B’kollox instabu 510 pakkett, b’kull wieħed minnhom jinkludi 1.2kg ta’ kokaina, b’valur totali ta’ €69 miljun. Il-Pulizija ġew imsejħa fuq il-post, u nfetħet inkjesta mill-maġistrat tal-għassa.

Qatt ma nstabet daqshekk droga f’sejba waħda f’Malta, bid-Dwana tfakkar li fl-2019, inqabdu b’kollox 750kg ta’ drogi illegali b’valur ta’ €84 miljun. Id-Dwana żiedet din is-sejba kienet prova oħra li l-investiment fit-tagħmir ta’ scanning fil-Port Ħieles kien jiswa mitqlu deheb.