Il-Ministru Carmelo Abela jżur kampijiet tar-refuġjati fl-Awstrija

Fil-ġranet li għaddew, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela żar wieħed mill-kampijiet tar-refuġjati fl-Awstrija fil-fruntiera mal-Ungerija.
Il-Ministru Abela kien mistieden mill-Ministru Awstrijak għad-Difiża biex jieħu sehem f’konferenza.
Huma kważi 80,000 ir-refuġjat mis-Sirja li qasmu lejn l-Awstrija mill-Ungerija.
Matul din iż-żjara, il-Ministru Abela saħaq li l-pożizzjoni ta’ Malta hi li l-kriżi tal-immigrazzjoni hija kwistjoni globali u trid tinstab soluzzjoni dinjija.
Il-Ministru Malti qal li rridu nistinkaw biex tinstab soluzzjoni fit-tul għal din il-kwistjoni għaliex ma nistgħux inkomplu sejrin minn kriżi għall-oħra.
Enfasizza li l-Ewropa trid tieħu passi sabiex tiggarantixxi s-saħħa u s-sigurtà għall-immigranti li jaħarbu mill-gwerra, iżda dan il-piż għandu jinqasam b’mod ġust fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Mill-Awstrija, Carmelo Abela mar Londra, fejn ħa sehem fil-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth bħala rappreżentant tar-reġjun tal-Mediterran.

Ritratt: MHAS