Il-Ministru Carmelo Abela jitlob l-Awditur Ġenerali jinvestiga direct order li ta

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela staqsa lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga d-direct order ta’ €800,000 li ngħata mill-ministeru tiegħu lill-kumpanija Infinite Fusion Technologies sabiex jinbidel il-wiring tas-sistema informatika tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dan wara li l-Oppożizzjoni kienet qalet li se titlob lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestigaha.
Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien qal li l-kumpanija mqabbda għal dan ix-xogħol hija ta’ persuna li għandha l-familja miż-Żejtun, id-distret li fih il-Ministru għall-Intern jikkontesta.
Min-naħa tiegħu Dr Abela ċaħad li dan id-direct order ingħata lil xi konstitwent tiegħu.
Dr Azzopardi kien qal li dan id-direct order ingħata lill-kumpanija li lanqas biss għandha esperjenza f’dan il-qasam. Żied jgħid li din il-kumpanija lanqas biss għandha website jew facebook sabiex wieħed ikun jaf dwarha.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Carmelo Abela kien qal li l-Avukat Ġenerali se jsib il-koperazzjoni kollha li hemm bżonn mill-Ministeru tiegħu.
Kien spjega li l-kumpanija GO plc li għal snin sħaħ tat is-servizzi tagħha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Qal li r-rapport li ħareġ fl-2015, irrakkomanda biex is-servizzi tal-informatika u l-kameras tas-sigurtà jittranġaw minħabba s-sitwazzjoni prekarja li kienu jinsabu.
Spjega li xi żmien ilu GO plc avżat li ma tistax tkompli tagħti s-servizz tagħha.
Żied jgħid li kien f’dan il-mument li l-kumpanija msemmija mill-Kelliem għall-Ġustizzja Dr Azzopardi li bdiet taħdem fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.