Il-Ministru Borg għandu jerfa’ r-responsabbiltà dwar il-jet privat – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Ministru Ian Borg huwa responsabbli għall-Awtorità tal-Ippjanar u għalhekk hu responsabbli wkoll li jwieġeb il-mistoqsijiet dwar il-każ tal-business jet privat li bih inġabet Malta il-membru tal-Bord tal-Awtorità Jacqueline Gili biex tivvota favur il-proġett tad-db Group f’Pembroke.

Ilbieraħ, it-Tlieta 25 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt żvela b’mod esklussiv kif Jacqueline Gili ġiet Malta għal 12-il siegħa b’business jet privat u wara li ma lissnet l-ebda kelma tul laqgħa ta’ sitt sigħat, ivvutat biex jinbena f’Pembroke proġett deskritt minn diversi eNGOs bħala ‘mostruż’.

Ma’ Newsbook.com.mt il-Kap tal-Oppożizzjoni kkonferma li dan l-aġir għandu jiġi investigat permezz ta’ inkjesta indipendenti minħabba għad ta’ mistoqsijiet.

Huwa qal li diġà semma’ xi mistoqsijiet li huwa għandu dwar il-każ fosthom jekk kinitx taf id-data tal-bord qabel ma siefret, jekk kienet taf għaliex sifriet xorta, jekk infurmatx lil xi ħadd, jekk qalulix biex tmur jew ma tmurx xorta u min ħallas għal dan il-jet.

Newsbook.com.mt prova jagħmel kuntatt mal-Ministru Ian Borg permezz tal-Ministeru għat-Trasport iżda ma kienx possibli għall-kumment dwar il-każ.

AQRA: L-Awtorità tal-Ippjanar għażlet li tħallas €8,750 flok €210

Il-Partit Demokratiku m’għandux fiduċja fil-Bord tal-Awtorità

Intant, f’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Partit Demokratiku qal li bħala Partit m’għandhomx fiduċja fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-kelliem kompla jgħid li l-Partit Demokratiku jixtieq ikunu jaf min verament ħallas għall-business jet privat, anke fid-dawl tal-fatt li ċ-Ċermen tal-Bord Vince Cassar prova jiddistakka ruħu minn din id-deċiżjoni.

Il-PD staqsa wkoll għalfejn kien daqshekk urġenti li Gili tinġieb Malta, dan meta l-istess persuna kienet falliet 25 laqgħa mill-75 laqgħa li saru qabel dik ta’ nhar il-Ħamis.

Il-PD qal ukoll li l-kunflitt ta’ interess li potenzjalment kellu Matthew Pace, li huwa membru tal-Bord u li kien vieħed mill-10 persuni li vvutaw favur il-proġett, għandu jirriżenja minnufih u l-investigazzjoni għandha tinkludi lil Pace ukoll.

Reġgħu saħqu li l-proġett għandu jitwaqqaf minħabba dawn l-irregolaritajiet.