Il-Ministru Bonnici u l-AĠ jiltaqgħu mal-eksprosekutur kontra l-korruzzjoni

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici kif ukoll l-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Ambaxxatur Taljan għal Malta Mario Sammartino ltaqgħu mal-eksprosekutur Taljan kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro, li jinsab Malta sabiex jindirizza protesta għall-ġustizzja li se ssir illum fil-Belt Valletta, organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili.
Kien Newsbook.com.mt li żvela li t-talba għal laqgħa tal-Ministru Bonniċi saret permezz tal-Ambaxxata Taljana f’Malta, jiem wara li tħabbar li Di Pietro ġej Malta.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li l-Ministru Bonnici u Di Pietro tkellmu fost l-oħrajn dwar is-sistemi ġudizzjarji Maltin u Taljani.
L-eksmaġistrat magħruf għall-ħidma kontra l-korruzzjoni f’pajjiżu fid-disgħinijiet bl-isem ta’ Mani Pulite qal f’intervista esklussiva waqt il-programm Newsline fuq RTK li l-investigazzjonijiet li kien għamel snin ilu dwar il-korruzzjoni fl-Italja, laqqgħuh ma’ Maltin u kumpaniji f’Malta, u għallmuh li l-Ewropa hija komda bit-tax havens.
Skont di Pietro, il-Gvern jaqblillu jagħlaq għajnejh għal dawn l-istrutturi fil-pajjiż għax huma l-politiċi stess, speċjalment fl-Ewropa, li jittrasferixxu flushom biex jaħbuhom fihom, x’aktarx jintużaw biex imantnu prattiċi korrotti.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott