L-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti tgħid li ħadd ma avviċinaha

owen_bonnici

L-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati qalet lil The Malta Independent li ħadd ma avviċinaha dwar il-każ taż-żewġ żgħażagħ li ngħataw il-warrant ta’ żewġ avukati, minkejja l-“kondotta mtappna” tagħhom.
Il-każ jirrigwarda Thomas Sant ta’ 30 sena minn Ħal Qormi u Yanika Barbara ta’  28 sena minn Ħ’Attard li ħadu l-warrant ta’ avukat minkejja li tmien snin ilu kienu ngħataw il-libertà proviżorja f’każ ta’ frodi bi credit card.
F’reazzjoni għad-diskors tal-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament u għal rapport li deher fl-istess gazzetta, l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati qalet li l-Ministru Bonnici kellem biss lill-erba’ Imħallfin u Maġistrati, u li l-identità tagħhom mhijiex magħrufa.
L-Assoċjazzjoni kompliet tgħid li l-Ministru Bonnici ta l-impressjoni li l-membri kollha tal-ġudikatura qablu mal-għoti tal-warrant. Madankollu saħqet li mhuwiex korrett li l-Ministru jgħid li kellu l-appoġġ tal-Maġistrati u l-Imħallfin kollha dwar dan il-każ.
Iktar kmieni, il-Ministru Owen Bonnici kien stqarr li l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti li tinkludi lill-Maġistrati u l-Imħallfin kollha, huma favur li ż-żewġ żgħażagħ jingħataw il-warrant,
Fil-Parlament, il-Ministru Owen Bonnici spjega li qabel dan, huwa kien ikkonsulta diversi drabi mal-ġudikanti u sostna li dawn dejjem baqgħu bl-istess fehma, jiġifieri dik li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw il-warrant.
Ilbieraħ il-Partit Demokratiku fi stqarrija staqsa jekk bil-kummenti tiegħu fil-Parlament dwar dan il-każ, il-Ministru Bonniċi ggwidax ħażin lill-membri parlamentari.
Ritratt: Arkivji – DOI: Kevin Abela