Il-Ministru Bonnici għandu joħroġ mill-bubble – MUT

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin tal-għalliema, l-MUT, qalet li l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici għandu joħroġ mill-bubble biex jifhem iċ-ċirkostanzi straordinarji tal-pandemija fuq l-iskejjel. Ilbieraħ il-Ministru saħaq li l-għalliema għandhom jerġgħu lura fil-klassijiet.

L-MUT ddeplorat il-kummenti tal-Ministru filwaqt li qalet li għandu “joħroġ mill-bubble li tant qiegħed jagħti assigurazzjoni dwarha u jħares lejn il-pandemija u r-riskji fuq l-edukaturi, l-istudenti u l-familji meta jiftaħ l-iskejjel f’ċirkustanzi fejn għaddejjin minn mewġa kiefra tal-pandemija”.

L-MUT kienet qed tirreaġixxi għall-kummenti li l-Ministru għadda mal-gazzetta Times of Malta meta mistoqsi dwar il-preokkupazzjoni tal-għalliema u l-ġenituri dwar il-ftuħ tal-iskejjel.

L-MUT ħeġġet lill-Gvern biex l-iskejjel ma jinfetħux għalissa
L-MUT trid li l-ftuħ tal-iskejjel jiġi pospost

L-unjin saħqet li Il-Ministeru ma jistax jipponta subgħajh lejn l-edukaturi meta kienu huma stess li mingħajr direzzjoni u preparazzjoni mill-istess Ministeru, biddlu b’mod drastiku l-mod kif kienu jaħdmu. Dan filwaqt li huma lesti li jkomplu jbiddlu dak li jagħmlu f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji iżda mhux f’kuntest fejn il-pandemija ma tkunx imrażżna.

Dwar il-preparazzjoni, l-MUT qalet li jekk il-Ministeru jaħseb li skejjel ippanikjati tfisser preparazzjoni, mela l-unjin issostni li l-Ministeru huwa distakkat minn dak li qiegħed jiġri fl-iskejjel.

Diskors li għamel il-ħsara – il-PN dwar li qal il-Ministru

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-diskors li uża l-Ministru Owen Bonnici għamel biss ħsara lill-professjoni. Il-kelliem tal-PN għall-edukazzjoni Clyde Puli qal li l-kliem tal-Ministru la solva n-nuqqas tiegħu fil-preparazzjoni biex jiftħu l-iskejjel u wisq anqas żied ir-rispett li jixirqilhom l-għalliema.

Il-PN qal li s-sitwazzjoni tal-edukazzjoni f’Malta tinsab ħażin minħabba li l-Ministeru għall-Edukazzjoni beda jipprepara tard wisq.

Puli sostna li l-kliem fieragħ, il-videos ta’ propoganda u l-bżieżaq fl-arja tal-Ministru ma joffrux serħan il-moħħ. L-istqarrija ttemm tgħid li “n-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Ministru u l-ottimiżmu falz tiegħu jistgħu jkun ta’ periklu għall-edukaturi u għall-istudenti”.

“Edukazzjoni fil-klassi” – il-Gvern jakkuża lill-Oppożizzjoni b’politika partiġġjana

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-edukazzjoni jeħtieġ tkun fil-klassi. Dan intqal fi stqarrija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li fiha rreaġixxa għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Gvern qal li l-Oppożizzjoni għażlet li titkellem b’mod partiġġjan mingħajr ma tgħid x’inhi l-pożizzjoni tagħha.

Dwar l-inċertezza għall-ftuħ tal-iskejjel, l-MUT qalet li fl-aħħar xhur saret ħidma kbira mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u mal-istakeholders ewlenin biex tfasslu linji gwida li jaraw li r-riskju ta’ tixrid ta’ COVID-19 fl-iskejjel jiġi minimizzat kemm jista’ jkun. Il-Gvern qal li daħħal miżuri biex dawn il-linji gwida jiġu implimentati.

Il-Ministeru lill-edukaturi tal-ħidma li wettqu meta ntalbu jibdlu sistemi li kienu ilhom li ndraw biex l-iskejjel jaġġustaw irwieħhom għal-limitazzjonijiet li ġew imposti.

Inti taqbel li għandhom jinfetħu l-iskejjel?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt