Il-Ministru b’nuqqas ta’ tama fuq l-immigrazzjoni; “Jekk nara li ma jirnexxilix nirreżenja”

Il-Ministru Evarist Bartolo dalgħodu qasam mal-pubbliku ħsibijiet ta’ nuqqas ta’ tama dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni. Qal li jekk ma jirnexxilux jaddotta politika li tħares il-ħajja umana filwaqt li l-Unjoni Ewropea tagħmel il-parti tagħha wkoll, l-eħfef ħaġa għalih tkun li jirreżenja mill-politika, iżda b’hekk ma jkun solva xejn.

F’messaġġ fuq Facebook dalgħodu, il-Ministru qal li jħossu mdejjaq u frustrat. “Itini li nitlaq mill-politika u nqatta’ l-aħħar snin ta’ ħajti naqra, nikteb, nisma’ l-mużika, insajjar, nimxi, nivvjaġġa u fuq kollox nibda ngawdi l-familja.”

Sostna li jobgħod ir-razziżmu u l-mibegħda lejn il-barranin, għaliex jemmen fid-dinjità u fid-drittijiet umani. Stqarr li ma jrid lil ħadd jegħreq mill-eluf li jaqsmu l-Baħar Mediterran f’tiftixa għal ħajja aħjar.

Fl-istess waqt, il-Ministru tenna kliem li ilu jgħid, li Malta ma tiflaħx iġġorr ir-responsabbiltà tal-immigranti waħedha. Ix-xewqa tiegħu hi li l-Unjoni Ewropa terfa’ r-responsabbiltà ma’ Malta. Staqsa, “Mhux possibbli li ninsġu flimkien politika dwar l-immigrazzjoni li tieħu ħsieb il-ġid tal-poplu tagħna u d-dinjità u d-drittijiet tal-immigranti?”

Qal li jekk jara li jkun impossibbli li jmexxi din il-politika, l-eħfef ħaġa għalih tkun li jirreżenja. Madankollu b’hekk ma jkun solva xejn, għaliex jekk l-Unjoni Ewropea ma tfassalx politika ġdida dwar l-immigrazzjoni, it-traġedja tkompli.

Il-UNHCR, bħal Bartolo, qalet li l-Unjoni Ewropea għandha turi solidarjetà mal-pajjiżi li jdaħħlu l-immigranti, imma sostniet li ħadd m’għandu jintbagħat lura l-Libja.