Il-Ministru Bartolo qed jerfa’ r-responsabbilità fil-każ tal-FTS

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li d-dmir tiegħu wettqu fil-każ tal-eks canvasser tiegħu li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ każijiet ta’ tixħim u frodi.
Il-Ministru stqarr li meta kellu evidenza tanġibbli infurma lill-Pulizija, lill-Internal Audit and Investigations Department kif ukoll lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni b’dak li ġara.
Fuq mistoqsija parlamentari tal-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil, il-Ministru Bartolo qal li hu dejjem refa’ ir-responsabbilità politika u ħa il-passi kollha meħtieġa biex ħadd, hu min hu ma jkun ‘il fuq mil-liġi.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Qorti ddikjarat li hemm provi biżżejjed bbiex Edward Caruana jitpoġġa taħt att t’akkuża wara li tressaq akkużat fost oħrajn b’tixhim, abbuż ta’ poter u frodi fiż-żmien li kien uffiċjali fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’ Għada (FTS).
Il-Ministru qal fil-parlament li ta istruzzjoni lil Kap Eżekuttiv tal-FTS biex jitratta lil din il-persuna bħala impjegat normali għax ħadd m’għandu jgawdu l-immunita’ politika. 
Huwa qal li fl-istess żmien hu ordna li ma jitħallsux irċevuti ssuspettati li huma falsifikati waqt li ordna investigazzjoni dwar dan. 
Malli ntemmet l-investigazzjoni, hu rrikkmonda li jittieħdu passi u li  jsir rapport lill-Pulizija dwar dan.