Il-Ministru Bartolo jippubblika l-ftehim li sar fil-Libja

Fil-Parlament illejla, il-Gvern ippubblika l-ftehim li sar mal-Libja. Ħabbar ukoll li permezz tal-ftehim se jinfetħu żewġ ċentri dwar l-immigrazzjoni, wieħed f’Malta u l-ieħor fi Tripoli biex jikkordinaw ix-xogħol bejniethom.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, il-memorandum of understanding li ġie ffirmat bejn Malta u l-Libja l-ġimgħa li għaddiet tul iż-żjara li saret il-ġimgħa li għaddiet delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela.

Dan sar wara talba mid-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonniċi biex l-Oppożizzjoni tingħata kopja tal-ftehim li ġie ffirmat bejn iż-żewġ naħat. Għal dawn il-jumejn, il-Partit Nazzjonalista saħaq kemm-il darba biex il-Gvern jagħmel stqarrija dwar x’intqal fil-Libja peress li d-Dipartiment tal-Informazzjoni ma ħareġ l-ebda stqarrija sa issa.

Meta mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Bartolo qal li “morna l-Libja l-ġimgħa li għaddiet biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-Libja u x’nistgħu nagħmlu aħna fiċ-ċokon tagħna”.

“Lilna jolqotna minħabba l-fatt li Malta qed tintuża’ bħala kurritur biex l-immigranti jidħlu fl-Unjoni Ewropea”, stqarr il-Ministru.

Fisser li mal-Libja, il-Gvern tkellem dwar x’passi jistgħu jittieħdu biex jitrażżnu t-traffikanti u kundrabandisti. Il-Ministru qal li ġie deċiż biex jinfetħu żewġ ċentri wieħed f’Malta u l-ieħor fi Tripoli biex jikkordinaw ix-xogħol bejniethom. Stqarr li sa issa daħlu Malta 1,600, li huwa iktar minn nofs li daħlu s-sena li għaddiet.

Bartolo ilment min-nuqqas ta’ solidarjetà min-naħa tal-Unjoni Ewropea fejn stqarr li fl-aħħar 15-il sena ġew Malta 22,000 immigrant u minn dawn kienu biss 1,700 jew 1 minn kull 7 li ġew rilokati fl-Unjoni Ewropea.