Il-Ministru Bartolo jikkwota ħażin id-deskrizzjoni tax-xogħol tal-LSE

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li r-rapport ta’ kull sentejn indikat fid-deskrizzjoni tal-kariga tal-Learning Support Educators fl-2007 huwa marbut mal-apparat fl-iskejjel u fiċ-ċentri ta’ riżorsi, u mhux mal-piżijiet li jistgħu jqandlu l-LSEs. Madankollu, id-deskrizzjoni tindika ċar li l-linji gwida huma dwar il-piżijiet li jistgħu jġorru l-edukaturi, anke biċ-ċifri indikati f’din id-deskrizzjoni.

Il-Ministru qal dan fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Edwin Vassallo. Vassallo għarraf lill-Ministru li skont id-deskrizzjoni maħruġa fl-2007 mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, kull sentejn kellhom isiru rapporti dwar il-linji gwida ta’ piżijiet li jistgħu jqandlu manwalment l-LSEs u jekk dawn għandhomx jinżammu jew jinbidlu. Min-naħa tiegħu, il-Ministru kkoreġieh u qallu li skont kif inhu infurmat hu, ir-rapport indikat fl-2007 huwa “marbut mal-apparat li l-iskejjel u ċ-Ċentri għandhom u mhux mal-piż li LSE jista’ jqandel.”

Mistoqsija parlamentari 10816

X’tgħid eżatt id-deskrizzjoni?

Id-deskrizzjoni tax-xogħol tal-LSE maħruġa fl-2007 tindika ċar u tond illi l-linji gwida qed jirreferu għall-piż li jistgħu jqandlu l-LSEs. Din tgħid li l-LSEs għandhom id-dover li jqisu l-bżonnijiet ta’ mobbiltà tal-istudenti tagħhom, u dan jinkludi li jġorruhom jew anke jmexxuhom meta dawn ikunu ġo siġġu tar-roti.

Skont il-linji gwida, LSE wieħed jista’ jġorr sa 27 kilogramm, filwaqt li meta persuna bl-apparat tagħha tkun tiżen sa 54 kilogramm, din trid tinġarr minn żewġ LSEs. Jekk il-piż ikun ikbar, irid jintuża lift. Fil-każ tal-imbuttar tas-siġġu tar-roti, l-LSEs jistgħu jmexxu sa 45 kilogramm xi drabi, sa 28 kilogramm frekwentament u sa 9 kilogrammi meta jkun hemm bżonn.

Il-Handbook maħruġ mill-Ministeru fl-2007 ikompli jgħid li dawn il-linji gwida għandhom jiġu riveduti kull sentejn mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà (OHSA) billi din tikkonfermahom jew tibdilhom.

Job Descriptions Handbook for Grades and Positions within the Directorate for Quality and Standards and the Directorate for Educational Services

Fil-Parlament, Bartolo kompla jsostni dak li kien qed jgħid billi ta eżempju tar-rapport ta’ kull sentejn “marbut mal-apparat” tal-iskejjel u ċ-ċentri. Huwa ġab eżempju biċ-Ċentru Helen Keller u bl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar, li fihom ġew identifikati ħsarat fil-kundizzjoni strutturali tal-bini, li jafu jkunu ta’ periklu għall-impjegati u l-istudenti. Ir-rapport jgħid li għal din ir-raġuni, qed isir xogħol ta’ manutenzjoni, il-fiżjoterapisti qed jiċċekkjaw il-faxex fl-iskola, filwaqt li persuni kompetenti qed jiċċekkjaw apparat li jintuża biex jittellgħu l-affarijiet ‘il fuq.

Apparti dan, skont l-eżempju tal-Ministru, fiċ-Ċentru Helen Keller, hemm riskji għall-impjegati bil-ġarr ta’ oġġetti tqal, bħall-injam. Minħabba f’hekk, l-impjegati jgħinu lil xulxin, jintuża trolley biex dawn jinġarru, l-impjegati qed jitħarrġu fil-ġarr u hemm fis-seħħ proċedura standard (SOP) dwar il-ġarr għal kull student individwali.

Il-Handbook sħiħ bid-deskrizzjonijiet maħruġa fl-2007 tista’ tarah hawn.