Il-Ministru Bartolo jiċħad li se jonqsu l-lezzjonijiet tal-Arti … l-għalliema jgħidu l-kontra

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ċaħad li se jitnaqqsu l-lezzjonijiet tal-Arti fil-Form 1 u 2.  Dan wara li għalliema tal-Arti tkellmu ma' Newsbook.com.mt dwar il-fatt li saru jafu li mis-sena skolastika li jmiss, is-suġġetti tal-Arti, tal-Mużika u tad-Drama abbli se jingħaqdu flimkien u jibdew jissejħu Expressive Arts.

Dan ifisser li kull tliet xhur l-istudenti se jiġu mgħallma suġġett wieħed.  Bejn wieħed u ieħor f’sena sħiħa, l-istudenti se jkollhom 10 lezzjonijiet tal-Arti, 10 tal-Mużika u 10 tad-Drama u Teatru.

Fl-ittra li l-għalliema tal-Arti bagħtu lill-Ministru Bartolo, l-għalliema qalu li huma mweġġa’ li s-suġġett tal-Arti “baqa’ mejqus bħala suġġett ħafif, tad-dekorazzjoni u b’hekk jingħata l-ġenb, speċjalment meta jonqoslu l-ħin allokat fit-time-table.”

Għall-kummenti tal-għalliema tal-Arti, fuq Facebook il-Ministru wieġeb li "qabel kienet għażla tiħux l-arti.  Issa nixtieq li l-arti, il-mużika, id-danza u t-teatru jeħodhom kulħadd, mhux b'għażla.  Pass 'il quddiem jew pass lura?"

Argumenta li "Tal-arti jgħidu li pass lura għax iridu l-ħin kollu għalihom. Flok inġelldu attivitajiet artistiċi u kreattivi kontra xulxin mhux aħjar naraw kfi nieħdu l-aħjar minn dan l-iżvilupp u min irid jispeċjalizza jagħmel dan wara l-Form 3?" staqsa il-Ministru Bartolo.

Nhar il-Tlieta li għadda waqt laqgħa, il-Kapijiet tad-Dipariment tal-Arti saru jafu li jekk ma jieħdux pożizzjoni u ma jaħdmux fuq sillabu ġdid sa April, l-Arti jista' jitqaċċat mill-kurrikulu tal-Form 1 u Form 2 u s-suġġett tal-Expressive Arts jinkludi biss il-Mużika u d-Drama.  Suġġeriment ieħor kien li jiġi adattat sillabu ta’ barra minn Malta.

Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru għall-Edukazzjoni sa issa baqgħu mhux imwieġba.