Il-Ministru Bartolo jrid li Konrad Mizzi u Keith Schembri jwarrbu

Jum ieħor u post ieħor mill-Ministru Evarist Bartolo li jżid il-pressjoni fuq il-Prim Ministru biex jieħu azzjoni quddiem il-kriżi politika kbira li daħal fiha l-pajjiż. Skont il-post fuq Facebook li l-Ministru Bartolo għamel it-Tnejn filgħodu kmieni, il-kriżi tista’ twassal għall-mewt tal-Partit Laburista.

Din mhix l-ewwel darba li l-Ministru Bartolo talab għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi. Kien għamel l-istess meta inqala l-iskandlu tal-Panama Papers.

Il-post tal-Ministru Bartolo tikber fl-importanza tagħha meta dalgħodu t-Tnejn se jkun hemm laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista. Imbagħad għada se jkun hemm laqgħa tal-Kabinett. Sorsi li tkelmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fil-Grupp Parlamentari u fil-Kabinet qed tikber ir-rabja għall-Ministru Konrad Mizzi, għall-Ministru Chris Cardona u għaċ-Chief of Staff Keith Schembri. Din ir-rabja jesprimuha anke meta jkunu qed jitkellmu ma’ partitarji Laburisti u mhumiex. L-istess sorsi qalu li sa issa ftit biss u minn taħt l-ilsien qed igergru fil-pubbliku kontra l-Prim Ministru. Dawn qed jgħidu illi kieku huwa ħa passi mill-ewwel kieku l-pajjiż u l-partit mhumiex f’din il-kriżi.

Tħallux lill-Partit Laburista jmut

Il-Ministru Bartolo huwa l-ewwel Ministru li fil-pubbliku u b’mod ċar qed jgħid li din il-kriżi tista’ saħansitra twassal għall-mewt tal-Partit Laburista. Fil-post tiegħu fuq Facebook kiteb hekk:

“Anki l-aktar siġra b’saħħitha u li tagħmel ħafna frott trid tieħu ħsiebha u tiżborha fejn hemm bżonn, il-bqija timrad kollha kemm hi u tmut. U jekk inħalluha tmut is-siġra tal-Partit Laburista min ħa jbati? Dawk li ħobżhom maħbuż? Le. Ibatu dawk li jifilħu l-inqas u mingħajr leħen. Huma l-aktar li jispiċċaw ibatu jekk nitilfu l-ġid li hawn.”

 Jgħidilhom bil-pulit biex iwarrbu

Il-Ministru Bartolo fil-post tiegħu enfasizza li la Keith Schembri u lanqas Konrad Mizzi ma huma akbar mill-Partit Laburista. Fil-post tiegħu kiteb hekk:

“Is-siġra hija ikbar minn kull fergħa. Konrad Mizzi u Keith Schembri jistgħu jagħżlu li, għall-ġid tan-nies li għalihom twieled il-Partit Laburista, jwarrbu huma stess. Il-bqija l-Partit Laburista jrid jiehu ħsieb is-siġra biex ma timradx kollha kemm hi u tmut. Qabel ikun tard wisq.”

“Agħar jekk nipproteġu l-kriminali”

Fil-post tiegħu tal-bieraħ il-Ħadd il-Ministru Bartolo ma semmiex ismijiet. Iżda l-għada li l-pulizija bagħtu għall-Ministru Chris Cardona, Bartolo kiteb li l-pajjiż ikun “agħar jekk nipproteġu l-kriminali tal-qtil u ħasil tal-flus u delitti oħra; pajjiż aħjar jekk issir ġustizzja ma’ kulħadd bla biża’ jew favuri.”

“L-ewwel biddlu lill-ġardinar” – Azzopardi

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi qal lill-Ministru Bartolo li minbarra li s-siġra tal-Partit Laburista għandha bżonn żabra, hemm bżonn ukoll li jinbidel il-ġardinar. Sosta li ma jistax ikollok “il-ġardinar stess li hu mikdud u mherri hu stess bil-marda tal-korruzzjoni.”

Lil Varist nghidlu: iva, vera, is-sigra trid zabra. Pero biex tinzabar ma jistax ikollok il-gardinar stess li hu mikdud u mherri hu stess bil-marda tal-korruzzjoni. Biddlu ‘l gardinar l-ewwel

Posted by Jason Azzopardi on Sunday, November 24, 2019

L-istess messaġġ ta’ Azzopardi għamlu fuq Facebook is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.

“Mur il-parlament u rreżenja” – Cassola lil Bartolo

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal lill-Ministru Bartolo li jekk verament irid jgħaddi messaġġ lill-Gvern u l-Partit Laburista għandu jmur il-Parlament u jirreżenja minn Ministru. Sostna li mbilli jtella’ l-posts fuq Facebook, mhux qed jieħu azzjoni biżżejjed b’saħħitha sabiex jaqdi dmiru. Cassola sostna li jidher li Bartolo huwa inkwetat biss fuq id-dannu li qed isir lill-partit u mhux qed jaħseb biżżejjed dwar id-dannu li sar lill-pajjiż.