Il-Ministru Bartolo ffriża l-flus tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – Iċ-Chairman

Read in English.

Mark Camilleri, iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qal li l-Ministeru għall-Edukazzjoni ffriża l-flus tal-Kunsill siegħa wara konfront bejn Camilleri u l-Ministru Evarist Bartolo dwar il-ħtieġa li l-Kunsill isir iżjed awtonomu.

Fuq Facebook, iċ-Chairman wera l-għadab tiegħu dwar dan u qal li l-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli. Skontu, il-Ministru ma qabilx li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iżid l-awtonomija billi tiġi elevata l-liġi sussidjarja tiegħu għall-att tal-parlament.

Lil hinn minn hekk, skont Camilleri, “il-burokratiċi tal-Ministru ħarġu ordni li tgħid li l-proċeduri tal-kontijiet tal-KNK għandhom jiġu assorbiti mill-Ministeru.” Qal li din hi ksur ta’ ftehim li l-Kunsill kellu mal-Ministeru għall-aħħar sitt snin. Permezz ta’ dan l-aġir, il-Ministeru qed ireġġa’ l-arloġġ lura 30 sena billi jagħti l-poter lil min mhux midħla tal-industrija tal-kotba, qal Camilleri.

F’Settembru, il-Kunsill se jkollu l-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba li fih il-kittieba se jiddiskutu l-ħtieġa li jiksbu drittijiet ekonomiċi. Dwar dan il-Kungress, Camilleri qal illi waqtu, hu se jgħaddi mozzjoni lis-Segretarju Joe Debattista sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni unanima tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li l-liġi sussidjajrja tal-Kunsill tiġi elevata f’att tal-Parlament. Magħha beħsiebu jżid li din issir biex tassigura l-awtonomija u l-permanenza tal-Kunsill.

Rigward il-pożizzjoni tiegħu bħala Chairman, Camilleri qal li f’dawn il-kundizzjonijiet m’għadhiex tenibbli peress li l-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet se jkollhom effett radikali fuq kif jaħdem il-Kunsill, b’konsegwenza li l-ħidma li jagħmel biex jesporta l-letteratura, pereżempju, se jispiċċa.

Camilleri żied jgħid li m’għandux dubju li li kieku l-Kunsill kellu jtella’ dawn il-każijiet il-qorti, “jintrebħu f’ħakka t’għajn.” Qal li “ladarba l-Ministru m’għandux rispett lejn il-KNK u d-deċiżjonijiet tiegħu, issa jaf ikollu rispett lejn il-Kungress.”

Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’appell lill-kittieba biex jattendu l-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba sabiex ileħħnu ħsibijiethom u jaqbżu għad-drittijiet ekonomiċi tagħhom ilkoll flimkien.

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Ministru Evarist Bartolo għar-reazzjoni tiegħu għal dawn l-allegazzjonijiet.