Il-Ministru Bartolo b’laqgħat fil-Libja għada dwar l-immigrazzjoni

DOI: Kevin Abela

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo se jżur il-Libja għal laqgħat dwar l-immigrazzjoni mal-Gvern għada.

Stqarrija maħruġa mill-Gvern dalgħodu tgħid li sad-29 ta’ Lulju, il-Gwardja tal-Kosta Libjana salvat 6,265 persuna fuq vjaġġ tat-traffikar tal-bnedmin fil-Baħar Mediterran. Madwar nofs dawn il-persuni kienu eventwalment jegħrqu jew jispiċċaw fiż-żona tas-salvataġġ ta’ Malta.

Għandhom jiġu diskussi l-istabbiltà fir-reġjun, kif ukoll oqsma ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Delegazzjoni Maltija bħalissa tinsab fil-Libja biex tipprepara għaż-żjara tal-Ministru Evarist Bartolo.

Fil-bidu ta’ Lulju, il-Prim Ministru Libjan Faiez Mustafa al-Serraj żar Malta għal laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela u mal-President George Vella.

Abela dakinhar qal li Malta tikkunsidra lil-Libja bħala ‘ħabib li tista’ tafda’ u lill-poplu Libjan ‘bħala aħwa tal-poplu Malti u Għawdxi.’ Huwa qal li għalhekk il-Gvern jixtieq li din il-koperazzjoni tkompli u tkun ibbażata fuq fiduċja li ġejja miż-żewġ partijiet.