Aġġornata: Il-Ministru Austin Gatt jissuspetta li l-imejls dwaru huma ‘frame-up’

Il-Ministru Austin Gatt qal li l-Malta Today għamlet sew li ppublikat l-imejls li jinkudu allegazzjonijiet dwar ‘commissions’ imħallsa għax-xiri taż-żejt.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet imħejjija apposta biex il-Ministru jwieġeb għad-domandi kollha tal-ġurnalisti, il-Ministru Gatt għamel żewġ affermazzjonijiet:
• Li qatt ma tkellem ma’ ħadd, aktar u aktar ma George Farrugia, dwar ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta.
• Li qatt ma kellu ħjiel li kien hemm xi ħaġa irregolari fix-xiri taż-żejt. Qal li kieku kellu xi dubji, kien imur għand il-Pulizija.

Il-Ministru qal li għandu track record ta’ kollaborazzjoni mal-Pulizija sabiex issir ġustizzja fejn ikun hemm bżonn. Sostna li m’għandu xejn fuq il-kuxjenza tiegħu u jaf żgur li s-sewwa se tirbaħ. Qal li sinċerament ma jaħsibx li għandu jirriżenja, però din hija ħaġa dibattibbli.

Il-Ministru Gatt ippreżenta l-imejls li ġew ippublikati fil-Malta Today u f’The Times, u qal li fl-imejls infushom hemm inkosistenzi fil-kitba, l-indirizz u d-data.
Qal għalhekk li l-imejls huma xogħol il-Partit Laburista. Filfatt, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet irrepeta kemm-il darba li “xi ħadd qed jilgħab”. Qal li jimmaġina li “il-Ministru”, “Aust” u “AG” jirreferu għalih, imma dan ma jfissirx li fil-verità hu għamel jew qal affarijiet relatati max-xiri taż-żejt.

Austin Gatt qal li xi ħadd kellu aċċess għall-imejls ta’ George Farrugia u staqsa jekk dan kollu hux sempliċement kumbinazzjoni. Insista li l-imejl li dehret fuq facebook hija immanipolata.

Ġurnalist minn The Times spjega li l-ittra li dehret fuq il-gazzetta kienet ikkupjata minn waħda li kienet qed iddur fuq Facebook, u li fuq il-gazzetta ġew ikkoreġuti xi żbalji tal-lingwa li kien hemm fl-ittra ta’ Facebook. Il-Ministru wieġeb li hemm elementi, bħad-data li f’ittra tidher bl-Ingliż u f’ittra oħra tidher bil-Malti, li juru li xorta kien hemm tbgħabis. Min-naħa tagħhom, ġurnalisti mill-Malta Today qalu li l-ittra ppublikata fuq il-ġurnal tagħhom hija l-oriġinali.

Il-Ministru kien mistoqsi x’tip ta’ relazzjoni kellu ma’ George Farrugia. Għal dan wieġeb li jista’ jgħoddhom fuq subajh l-ammont ta’ drabi li ltaqa’ ma’ Farrugia. Fl-istess nifs qal li kien jiltaqa’ miegħu darba f’xahrejn.

Kompla jgħid li kien jaf lil George Farrugia però qatt ma tkellem miegħu dwar tenders tal-Enemalta. Qal li Farrugia kien persuna bħall-oħrajn. Saħaq li ġieli kellu laqgħat ma’ George Farrugia. Qal li f’dawn il-laqgħat ġieli tkellmu fuq żejt imma qatt fuq ix-xiri u l-bejgħ taż-żejt.

Żied jgħid li se jagħmel rapport formali lill-Kummisarju tal-Pulizija u staqsa: “hekk għandu jiġi trattat ir-responsabbli ta’ Ministerjat?”

Dwar il-kwistjoni tal-gass, il-Ministru Gatt qal li l-kumpanija ENI qatt ma kellha l-intenzjoni li twassal pipeline lejn Malta, jew li qatt kien hemm pipeline offrut b’xejn lil Malta. Ċaħad ukoll li qatt kien hemm proposti dwar il-gass mill-Alġerija.

Il-Ministru qal li ta dikjarazzjoni lill-Pulizija, iżda l-Kummisarju tal-Pulizija qallu li aħjar ma jippubblikahiex.

Il-Ministru Gatt spejga li l-assi li għandu f’bank fl-Isvizzera wirithom mingħand il-ġenituri tiegħu u huma kollha dikjarati.

Żied jgħid li l-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum kellha ssir wara li l-Pulizija ttemm l-investigazzjonijiet, imma għaddew 15-il ġurnata u ma jistax ikun li jibqa’ jħalli l-insinwazzjoijiet ikomplu għaddejjin.

Il-Ministru spjega li r-rwol tiegħu fl-elezzjoni ġenerali huwa fl-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista.