Il-Ministru Abela ma jurix l-irċevuti

Il-Ministru Carmelo Abela ma laqax it-talba ta’ Newsbook.com.mt u ma ppreżentax l-irċevuti ta’ xogħlijiet fir-residenza privata tiegħu, li skont is-Sunday Times of Malta saru minn ħaddiema tal-Gvern waqt il-ħin tax-xogħol.
Il-Ministru Abela ma ċaħadx li x-xogħol sar minn ħaddiema tal-Gvern, iżda qal li sar is-Sibt u li  “għal dan ix-xogħol sar il-ħlas mitlub”.
Ilbieraħ Newsbook.com.mt talab l-irċevuti permezz ta’ imejl u wara 24 siegħa ma rċieva l-ebda risposta.
Is-Sunday Times, il-Ħadd li għadda rrappurtat li fl-2015, meta Abela kien Ministru għall-Intern, mill-inqas żewġ ħaddiema mill-Ministeru tiegħu bnew struttura tal-injam fid-dar tiegħu fiż-Żejtun, fil-ħin li suppost kienu qegħdin xogħol.
Il-Ministru wieġeb bi stqarrija fejn ammetta li x-xogħol sar iżda ċaħad li ta struzzjonijiet biex isir waqt ħin ix-xogħol.
It-Times of Malta llum qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ sieket fuq dak li sejħet abbuż minn wieħed mill-Ministri tiegħu, “li ammetta li ħaddiema tal-Gvern għamlulu xi xogħol fid-dar tiegħu”.
Ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista talab lill-Ministru Abela biex jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja.