“M’għandix problema li l-AĠ jinvestiga direct order fil-ħabs” – Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li m’għandux problema li l-Awditur Ġenerali jinvestiga d-direct order ta’ €880,000 li ngħatat lill-kumpanija sabiex jinbidel il-wiring tas-sistema informatika tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Nhar it-Tlieta fil-Parlament, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi  qal li l-Oppożizzjoni se titlob lill-Avukat Ġenerali sabiex jinvestiga d-direct order li ngħata lill-kumpanija li ma għandhiex esperjenza f’dan il-qasam.
Dr Azzopardi kien qal li kieku din il-kumpanija kellha tgħaddi mill-proċess ta’ tender, ma kinitx tgħaddi, minħabba li mhix eleġibbli għax għal diversi snin ma ppreżentatx id-dokumenti tal-accounts lill-MFSA.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Carmelo Abela qal li l-Avukat Ġenerali se jsib il-koperazzjoni kollha li hemm bżonn mill-Ministeru tiegħu.
Spjega li l-kumpanija GO plc li għal snin sħaħ tat is-servizzi tagħha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Qal li r-rapport li ħareġ fl-2015, irrakkomanda biex is-servizzi tal-informatika u l-kameras tas-sigurtà jittranġaw minħabba s-sitwazzjoni prekarja li kienu jinsabu.
Spjega li xi żmien ilu GO plc avżat li ma tistax tkompli tagħti s-servizz tagħha.
Żied jgħid li kien f’dan il-mument li l-kumpanija msemmija mill-Kelliem għall-Ġustizzja Dr Azzopardi li bdiet taħdem fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela qal li 406 priġunier applikaw għall-parole, fejn 71 ħaduha.
Temm jgħid li fl-2009 252 priġunier biss kienu eżaminati biex jaraw jekk ħadux xi droga. Qal li dan b’kuntrast għas-sena l-oħra fejn 1,846 priġunier kellhom jagħmlu dan it-test.