Il-Ministri tal-5+5 jaqblu li jiġġieldu t-terroriżmu

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela ħa sehem f’laqgħa straordinarja tal-Ministri għad-Difiża tal-pajjiżi fil-5+5.
Din il-laqgħa straordinarja saret fit-Tuneżija u matulha saret diskussjoni dwar il-kriżi fil-Libja, l-immigrazzjoni irregolari u t-theddida tat-terroriżmu.
Il-Ministri ddiskutew strateġiji biex jegħlbu dawn is-sitwazzjonijiet li qed jheddu l-istabbilità fil-Mediterran.
Kien hemm qbil li l-aħjar soluzzjoni għall-kriżi fil-Libja hija li jkun hemm Gvern nazzjonali.
Il-Ministri qablu li jkomplu joffru l-għajnuna meħtieġa lin-negozjati tan-Nazzjonijiet Magħquda iżda qablu wkoll li dawn suġġett nazzjonali tal-poplu Libjan.
Matul id-diskors tiegħu, Carmelo Abela awgura li tinstab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun għall-kriżi fil-Libja biex ikun hawn il-paċi u l-istabbilità fil-Mediterran.
Qal li l-isfida tal-immigrazzjoni trid tiġi indirizzata b’mod olistiku u bi qsim tar-responsabbilità.
Saħaq li jekk l-ekonomiji tal-pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti jissaħħu ma jkun hemm dan l-influss kbir ta’ immigrazzjoni.
Fi tmiem il-laqgħa straordinarja, il-Ministri qablu li jiġġieldu t-terroriżmu bi tqassim ta’ informazzjoni kontra s-cyber terrorism.
Il-5+5 huwa magħmul minn Malta, l-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Libja, l-Mawritanja, l-Marokk, il-Portugall, Spanja u t-Tuneżija.