Il-Ministri rrendew ruħhom kompliċi – PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Kabinett tal-Ministri kmieni dalgħodu rrendew ruħhom kompliċi fi proċess intiż sabiex ma ssirx ġustizzja.

Dan qalu fi stqarrija wara l-konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-3am illum mill-Prim Ministru Joseph Muscat appoġġjat minn diversi membri tal-kabinett. Fil-konferenza tħabbret id-deċiżjoni li ma tingħatax il-maħfra presidenzjali lis-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech. Delia sostna li f’din il-konferenza messha tħabbret ukoll ir-riżenja ta’ Muscat inniffsu.

Qal li d-deċiżjoni li Muscat ma jirreżenjax se tħalli l-istituzzjonijiet u l-Gvern immexxija minn persuna li għamlet tliet snin tiddefendi u tipproteġi liċ-Chief of Staff Keith Schembri minkejja li dan ilu snin li inkixef li kien involut f’każi ta’ ħasil tal-flus u tixħim. Sostna li Muscat ikkontrolla investigazzjoni li wasslet biex Keith Schembri jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Delia sostna li minflok warrab u ħalla l-proċess investigattiv jimxi mingħajr indħil, Muscat ħa fuqu responsabbiltajiet importanti fil-kors tal-ġustizzja inkluż maħfriet Presidenzjali.

Temm jgħid li l-Oppożizzjoni issa qed tieħu l-passi kollha li tista’ tieħu fl-interess uniku tal-pajjiż.

X’ġara lbieraħ?

Waqt konferenza tal-aħbarijiet kmieni fit-3am, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern ċaħad it-talba ta’ Yorgen Fenech għall-maħfra presidenzjali. Żied jgħid li ma riedx jieħu din id-deċiżjoni hu u allura ħalla f’idejn il-kabinett. Muscat qal li hu ma pparteċipax fil-laqgħa.

Il-kabinett għamel din id-deċiżjoni wara li saret preżentazzjoni mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Dan b’differenza għall-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma, fejn il-Prim Ministru kien qal li se jerfa’ r-responsabbiltà waħdu.

It-talba minn Yorgen Fenech saret nhar is-Sibt li għadda.

Intant, propju wara t-tmiem tal-konferenza, ġurnalisti u membri oħra tal-midja ma tħallewx joħorġu mis-sala fejn saret il-konferenza.

Persuni, li ma identifikawx irwieħhom, minkejja li ntalbu repetutament mill-midja, qagħdu mal-bieb u ma ħallewx lill-ġurnalisti joħorġu. Il-ġurnalisti pprotestaw bil-qawwa wkoll, li wara d-diskors tal-Prim Ministru, ingħata ħin qasir ħafna għall-mistoqsijiet.

Maċ-ċorma li nġabret quddiem Kastilja matul il-lejl li għadda nġabru wkoll ulied il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia sabiex ikomplu jissieltu għall-ġustizzja.