Il-Ministri qed jinbidlu f'”pupazzi mmexxijin bl-ispaga” – Marlene Farrugia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibdel lill-Ministri f’"pupazzi mmexxijin bl-ispaga".
Dan qalitu dalgħodu d-deputata Laburista Marlene Farrugia waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tax-xandir nazzjonali.
Marlene Farrugia qalet li kull min irid jagħti kumment jew intervista qed jiġi mitlub jieħu permess mingħand l-uffiċju tal-Prim Ministru.
Dan il-fatt ħareġ mit-tiġdid tal-kodiċi ta’ etika tal-Ministri.  
Farrugia ma taqbilx ma’ dan u qalet li l-Prim Ministru għandu jħalli lill-Ministri jużaw moħħhom sabiex joffru l-ideat u l-opinjonijet tagħhom.
Waqt l-intervista, id-deputata Laburista qalet li l-Prim Ministru għandu jwieġeb għall-mistoqsija jekk Dr Godfrey Farrugia kienx offrut l-Ministeru tal-Ambjent minflok il-Ministru preżenti Leo Brincat.
Apparti minn hekk, saħqet li hi mhux se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss iżda mhux se titlaq mill-Partit Laburista.
Hi għamlet referenza wkoll għan-negozju ta’ kif Gaffarena akkwista €1.6 miljun min-negozju li għamel fi Triq Zekka.
Din hi xi ħaġa li skontha qed ittellef mill-appoġġ li għandu dan il-Gvern.