Il-Ministri jiddiskutu kif se jiżdied il-kummerċ bejn Malta u l-Awstralja

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela ltaqa’ mal-kontraparti Awstraljana tiegħu Julia Bishop waqt iż-żjara fl-Awstralja, fejn iddiskutew b’mod partikulari kif jista’ jiżdied il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin intqal kif il-Ministru Abela rringrazzja lill-Ministru Bishop għad-dikjarazzjoni ta’ apoġġ ta’ pajjiżha biex Malta jirnexxiela tikseb siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2023-24.
Fost id-diskussjonijiet, iż-żewġ ministri qablu dwar il-ħtieġa li l-Commonwealth tingħata nifs ġdid iżda li ma jitwarrbux il-valuri fundamentali tal-organizzazzjoni.
Huma skambjaw ukoll fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ interess internazzjonali, fosthom dwar l-attakk ta’ Salisbury u r-riperkussjonijiet tiegħu.
Ritratt: DOI – Jason Borg