Il-Ministri jiċħdu nofs it-talbiet għall-informazzjoni

Arkivji

Read in English.

Il-Ministri tal-Gvern ċaħdu nofs it-talbiet għall-informazzjoni tul din il-leġislatura. Fi 28 xahar kien hemm aktar minn 740 talba li saru minn midja differenti u individwi dwar diversi aspetti tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħthom.

Din l-informazzjoni ġiet ippubblikata fil-Parlament wara talba separata lill-14-il Ministru tal-Gvern u lill-Prim Ministru mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

L-aktar Ministru li rċieva talbiet kien dak tat-Trasport bil-Ministru Ian Borg jirċievi 172 talba. Minn dawn kien hemm aktar talbiet li rrifjutati (72) milli aċċettati (63). F’dan il-Ministeru hemm ukoll l-akbar għadd ta’ talbiet pendenti b’37 talba li għadhom ġewx imwieġba.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru rċieva 96 talba li minnhom ġew irrifjutati 46 talba, 43 ġew aċċettati u 7 pendenti.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici rċieva t-tielet l-akbar talbiet b’87 talba u minnhom aċċetta 41 u 35 ġew irrifjutati.

Warajh kien hemm il-Ministru għall-Ambjent José Herrera li aċċetta l-maġġoranza tat-talbiet li kellu. Huwa aċċetta 45 talba minn total ta’ 68 talba. Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ma aċċettax 35 talba minn 56 talba.

Minkejja li l-maġġoranza tat-talbiet lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ġew irrifjutati, f’dan il-Ministeru ma hemm l-ebda talba pendenti. Il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej rċieva lanqas talbiet bi 12-il talba.

Filwaqt li l-Ministri kollha taw l-informazzjoni mitlub lilhom, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona taw l-inqas informazzjoni. Il-Ministru Fearne qal li “apparti dawk li għadhom pendenti, il-maġġoranza ġew milqugħa”. Il-Ministru Cardona ppubblika 25 talba li għadhom pendenti jew li ġew irrifjutati.

L-informazzjoni setgħet tintalab taħt l-Att dwar il-libertà tal-informazzjoni.