“Il-Ministri għandhom jirreġistraw kull komunikazzjoni f’Reġistru tat-Trasparenza” – Hyzler

Miguela Xuereb

Read in English.

Ministri, segretarji parlamentari, u l-kapijiet u d-deputati kapijiet tas-segretarjati tagħhom għandhom jirreġistraw kull komunikazzjoni relevanti f’Reġistru tat-Trasparenza li għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku. 

Din kienet waħda minn għadd ta’ proposti mħejjija f’dokument ta’ konsultazzjoni dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying, li nħareġ mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler.

Il-kelma “lobbying” tirreferi għall-isforzi min-naħa ta’ individwi u entitajiet privati biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-gvern għall-benefiċċju tagħhom. 

Id-dokument tal-Kummissarju jeżamina l-mekkaniżmi li ġew adottati minn pajjiżi differenti biex jirregolaw il-lobbying, u jippreżenta proposti dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying f’Malta. 

Il-Kummissarju qed jipproponi li l-lobbying għandu jkun regolat permezz ta’ liġi ġdida msejħa l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Lobbying. Dan l-Att għandu jiddefinixxi l-lobbying bħala kull “komunikazzjoni relevanti” dwar “materji relevanti” li ssir lil “uffiċjali pubbliċi identifikati”. 

Ġie propost ukoll li persuni u entitajiet li huma involuti fil-lobbying għandhom ikunu obbligati jirreġistraw f’Reġistru tal-Lobbyists li jinżamm mill-Kummissarju għall-Istandards. Dawn il-lobbyists għandhom jissottomettu aġġornamenti regolari dwar l-attivitajiet tagħhom.

Il-Kummissarju qed jipproponi wkoll li l-ministri, is-segretarji parlamentari u xi uffiċjali oħra tal-istat m’għandhomx jitħallew jaġixxu bħala lobbyists għal perjodu ta’ żmien wara li jispiċċaw mill-karigi tagħhom. B’hekk, interessi privati ma jkunux jistgħu jakkwistaw influwenza żejda fid-deċiżjonijiet tal-gvern bis-saħħa ta’ uffiċjali anzjani li jkunu għadhom kemm spiċċaw mill-kariga.

Fl-aħħar nett, id-dokument jipproponi li għandu jkun hemm ministru responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Att, skont il-prattika stabbilita, iżda l-Att għandu jiġi inforzat mill-Kummissarju għall-Istandards. 

Id-dokument ta’ konsultazzjoni jista’ jitniżżel minn hawn.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jibgħat il-fehmiet tiegħu dwar il-proposti lill-Kummissarju, matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni, li se jibqa’ miftuħ sat-30 ta’ April 2020.