Il-Ministri Ewropej se jiddiskutu d-diffikultajiet tal-banek wara l-kriżi ekonomika

Matul din il-ġimgħa l-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea se jippruvaw jilħqu ftehim dwar x’miżuri għandhom jittieħdu fuq il-banek li fallew u kellhom jagħlqu minħabba l-kriżi ekonomika.
Din il-laqgħa se tkun mifruxa fuq tlett ijiem u mistennija li tkun waħda deċiżiva qabel ftehim aħħari għal unjoni bankarja fiż-żona ewro.
Il-Kunsill Ewropew ilu dawn l-aħħar snin f’diskussjoni għall-ħolqien ta’ din l-unjoni bankarja li l-għan prinċipali tagħha huwa li terġa tikber il-kunfidenza ekonomika fiż-żona ewro.
Il-miżuri li se jiġu diskussi din il-ġimgħa mhux se jkunu qed jaffettwaw il-banek Maltin għaliex fil-passat dejjem għaddew mit-testijiet Ewropej.
L-unjoni bankarja iżda se taffetwa l-ħidma tagħhom hekk kif il-Bank Ċentrali Ewropew issa se jkun l-uniku kontrollur tal-banek kollha Ewropej.
Dawn ir-responsabbiltajiet ġodda tal-Bank Ċentrali Ewropew se jidħlu fis-seħħ minn Novembru li ġej.
Il-miżuri bankarji li jiddeċiedu fuqhom il-Ministri Ewropej mistennija li jitressqu wkoll quddiem il-Parlament Ewropew.