Il-Ministeru tas-Saħħa jissuġġerixxi tagħlim online fl-iskejjel postsekondarji

Fil-linji gwida għall-iskejjel postsekondarji ppubblikati lbieraħ, il-Ministeru tas-Saħħa wera preferenza li t-tagħlim isir online, inkella li jkun hemm taħlita ta’ tagħlim online u fil-klassi.

Dan billi hemm ċans li ż-żgħażagħ iferrxu ħafna l-coronavirus fil-komunità. F’Malta kien hawn 3.1% tal-każijiet tal-Covid-19 li kienu ta’ żgħażagħ li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena. Id-dokument ippubblikat mill-Ministeru tas-Saħħa jgħid li adolexxenti normalment ma jkollhomx sintomi, u l-coronavirus ma jaffettwahomx daqshekk. Dan ifisser li huma x’aktarx ma jintebħux li għandhom il-virus u ma jagħmlux it-test, u b’hekk hemm riskju akbar billi dawn ikunu qegħdin jitħalltu ma’ nies oħra fil-komunità.

F’każ li l-iskejjel postsekondarji jiftħu u ma joperawx online, l-istudenti jridu jżommu distanza ta’ 1.5 metru bejniethom meta jkunu bilqiegħda, filwaqt li l-għalliema u l-impjegati jridu jżommu żewġ metri distanza bejniethom u bejnhom u bejn l-istudenti. Huwa inkoraġġit l-użu ta’ faċilitajiet fuq barra, mhux klassijiet fil-magħluq, fejn possibbli.

Kemm l-istudenti, kif ukoll il-ħaddiema, iridu jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu meta jkunu f’binja magħluqa. L-iskema ta’ bubbles, jew gruppi, tapplika wkoll għall-iskejjel sekondarji, jiġifieri li kemm jista’ jkun, l-istudenti jibqgħu fl-istess grupp u ma jitħalltux.

Il-Ministeru tas-Saħħa jissuġġerixxi li t-tagħlim online jew jieħu post it-tagħlim normali, inkella jkun parti mill-metodu tat-tagħlim. Xi possibbiltajiet li jagħti huma:

  • Li l-istudenti jkollhom ħinijiet differenti xħin jibdew u jispiċċaw
  • Li l-klassi tinqasam nofsha online mid-dar u nofsha fil-klassi
  • Li l-istudenti kollha ta’ klassi jattendu l-iskola, imma jsegwu l-lezzjoni minn żewġ klassijiet differenti, grupp minnhom online
  • Il-klassijiet għandhom jinżammu fi gruppi żgħar

L-Università diġà wriet l-intenzjoni li tuża metodu minn dawn, dak li jkun hemm taħlita ta’ lekċers online u fil-klassi. Il-ħsieb huwa li nofs il-klassi ssegwi mid-dar, u n-nofs l-ieħor ikun l-Università, iżda dawn il-gruppi jvarjaw minn ġimgħa għall-oħra, ħalli kulħadd ikollu l-istess żmien jikseb it-tagħlim online u t-tagħlim fil-klassi.

Lil hinn minn dan, l-użu ta’ funtani tal-ilma mhuwiex permess, u dawn għandhom jitneħħew jew ma jitħallewx jiffunzjonaw. Il-Ministeru jissuġġerixxi wkoll li kmamar li jintużaw minn ħafna nies, pereżempju kamra fejn jinġabru biex jistudjaw l-istudenti, jingħalqu. Inkella, jista’ jkun hemm limitu ta’ kemm ikun hemm nies ġo kamra f’daqqa. Dan peress li l-virus jista’ jinxtered faċilment fi kmamar bħal dawn.

Ilbieraħ ġew ippubblikati wkoll il-linji gwida għall-kindergarten. F’dawn ma saritx enfasi fuq it-tagħlim online, billi jkun aktar diffiċli għat-tfal żgħar li jsegwu online.

Aqra l-linji gwida għall-iskejjel postsekondarji hawn.

Taqbel li t-tagħlim fl-iskejjel postsekondarji
jsir online?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.