Il-Ministeru tas-Saħħa jikkonferma investigazzjoni dwar il-ħlas tal-istudenti

Il-Malta Health Students Associaton (MHSA) qalet li tinsab f’kuntatt dirett mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dwar l-attitudni inġusta li l-istudenti li qed jistudjaw biex isiru infermiera u fiżjoterapisti li jinsabu fl-ewwel u t-tieni sena tal-istudji tagħhom mhumiex se jitħallsu għall-istudji prattiċi li għamlu tul dan is-sajf fl-Isptar.
Mill-iskritratti (ara hawn taħt) li rċieva Newsbook.com.mt tal-korrispondenza bejn il-President tal-MHSA Kaitlyn Byrne u l-Ministru Fearne hu mifhum li s-Segretarju Permanenti u ċ-Chief of Staff tal-Ministeru tas-Saħħa se jinvestigaw il-każ.
Fi stqarrija l-MHSA qalet li kienet infurmata b’dan il-każ wara li l-istudenti konċernati rċevew imejl mill-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa li fih l-istudenti ġew infurmati li mhux se jitħallsu għall-istudji prattiċi li għamlu f’Ġunju u f’Lulju ta’ din is-sena u li dawn is-sigħat se jkunu koperti mal-istipendju ta’ €85 li jirċievu kull xahar.
Ma’ Newsbook.com.mt il-President tal-MHSA Kaitlyn Byrne qalet li dan mhux ġust meta wieħed jikkunsidra li l-istudenti jaħdmu madwar 150 siegħa.
Sostniet li ma tlumx ir-reazzjoni negattiva tal-istudenti għal din l-aħbar hekk kif fis-snin li għaddew l-istudenti dejjem tħallsu għal dan ix-xogħol u mhux ġust li l-istudenti jittieħdulhom id-drittijiet tagħhom mingħajr trasparenza.
Żiedet tgħid li fis-snin li għaddew dawn dejjem tħallsu għall-istudji prattiċi li għamlu f’Lulju u li dan ma kienx kopert bl-istipendju li jirċievu kull xahar biss.
Byrne saħqet li meta wieħed jikkunsidra d-delikatezza tax-xogħol li l-istudenti jagħmlu waqt l-istudji prattiċi tagħhom fl-isptar, li jinkludi l-għoti ta’ injezzjonijiet u anke ħidma mal-pazjenti fis-swali, jirrealizza aktar kemm mhix ħaġa ġusta li dawn jitħallsu ftit ċenteżmi biss fis-siegħa.
L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) aktar kmieni kienet irreaġixxiet ukoll għal dan il-każ li ġie żvelat mill-MHSA, fejn qalet li hja ddiżappuntata għall-mod kif l-Università ta’ Malta ttrattat lill-istudenti tal-infermerija meta infurmathom fl-aħħar minuta li mhix se tħallashom tal-prattika li għamlu.
Tista' tara l-iskritratti tal-korrispondenza bejn il-President tal-MHSA u l-Ministru Fearne minn hawn taħt.