Il-Ministeru tal-Ekonomija b’paġna fuq Facebook wara t-twiddib tal-Kummissarju Hyzler

silvio_schembri-1068x702

Il-Ministeru tal-Ekonomija mmexxi mill-Ministru Silvio Schembri issa għandu paġna fuq Facebook, wara li fil-jiem li għaddew, il-Kummissarju għall-Istandards fl-Uffiċċju tal-Ombudsman widdeb lil xi Ministri u Segretarji Parlamentari, fosthom Schembri, talli kienu qegħdin jużaw il-fondi pubbliċi biex iħallsu għall-promozzjoni ta’ ċerti posts fuq il-paġni tagħhom fuq il-midja soċjali.

Ilbieraħ infetħet fuq Facebook paġna bl-isem Ekonomija, li hija deskritta bħala l-paġna uffiċjali tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar.

Is-Segretarjat Parlamentari tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, dak tal-Fondi Ewropej immexxi mis-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, ukoll għandu paġna ġdida fuq Facebook li nfetħet din il-ġimgħa.

Bħalhom hemm, pereżempju, il-paġna Edukazzjoni, il-paġna uffiċjali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, li ta’ kuljum ikollha aġġornamenti fuq is-settur edukattiv f’Malta, u għandha kważi 50,000 like. S’issa l-paġna Ekonomija għandha ftit iżjed minn 600 like. Fir-rapport tal-Kummissarju ssemma li hemm ukoll il-paġni uffiċjal tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tal-Ministeru għall-Enerġija u tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler sab li diversi ministri kienu qegħdin jużaw riżorsi pubbliċi biex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali tagħhom fuq Facebook u midja soċjali oħra. Il-Kummissarju kkonkluda li dan huwa abbuż għax il-ministri konċernati qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom.

Il-Ministri l-oħra li ssemmew kienu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Din l-aħbar wasslet biex għadd ta’ persuni jappellaw li dawk li kienu qed jabbużaw mill-fondi pubbliċi għandhom iroddu l-flus li użaw lura. Il-Partit Nazzjonalista qal li jistenna li l-Pulizija tiftaħ investigazzjoni fuq il-każ, filwaqt li l-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li dan l-aġir huwa inaċċettabbli.