“Il-Ministeru tal-Edukazzjoni mhux ippreparat biex jgħallem online” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministeru tal-Edukazzjoni mhux ippreparat u attrezzat biex jgħallem online. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalizta appella lill-Gvern biex joħloq strateġija maħsuba u kkomunikata dwar kif l-istudenti se jimxu ‘l quddiem fl-edukazzjoni. Il-PN qal li għandu jkun hemm protokolli ċari dwar kif se jsiru l-affarijiet.

F’din l-istqarrija l-Partit Nazzjonalista kompla li f’Marzu li għadda l-element ta’ mmaniġġjar fi kriżi kien skużat imma f’Settembru dan mhux se jkun. Il-PN appella lill-Gvern bex isir djalogu mal-professjonisti, il-unions, il-ġenituri u l-istakeholders kollha biex titfassal triq ‘il quddiem. Żiedu li l-Oppożizzjoni lesta li tkun parti minn din id-diskussjoni.

F’din l-istqarrija l-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-għalliema, il-letturi u l-edukaturi kollha għax-xogħol tagħhom biex l-istudenti jibqgħu jirċievu t-tagħlim minkejja li ngħalqu l-iskejjel f’Marzu li għadda. Huwa rringrazzja lill-istudenti u l-familji għall-isforz li għamlu f’dan iż-żmien.