​Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jinvestiga twissija li ngħatat Kap ta’ Skola

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ma jħossx li d-dikjarazzjoni tal-Unjin tal-Għalliema dwar it-twissija li ngħatat lill-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Sannat hi korretta.
Kelliem għall-Ministeru qal ma’ Newsbook.com.mt li bħalissa għaddejja proċedura interna skont ir-regoli tal-PSMC. Żied jgħid li b’hekk il-Ministeru mhux se jikkumenta dwar il-każ biex ma jkunx hemm tfixkil fl-investigazzjoni.
Il-kelliem spjega li fil-kamp edukattiv f’dawn is-sentejn u nofs saret ħidma biex l-iskejjel tal-istat jingħataw iżjed jedd fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-iskola stess, u li dan diġà qed iseħħ, b’ħafna mit-tfassil tat-triq edukattiva u soċjali dejjem jersaq iżjed fidejn il-iskola.
“Dan qed isir dejjem bil-patt li l-ġid tal-istudenti dejjem jingħata prijorità fuq kollox,” żied jgħid il-kelliem.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-MUT talbet lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex jinvestiga l-każ fejn il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Sannat Pauline Grech irċeviet twissija ta’ azzjoni dixxipplinarja mid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi għax “kienet prattika u ppruvat tiffranka l-flus tal-iskola.”
Dakinhar fl-iskola Ta’ Sannat mar id-dawl u Grech talbet l-għajnuna lill-ħaddiema li nzertaw qed jagħmlu xi xogħol fl-iskola stess. Dan minflok segwiet l-ordni mid-Direttorat li jinxtara apparat tal-elettriku ġdid, li skont l-Unjin tal-Għalliema (MUT) kienet se twassal biex jintefqu flus tal-iskola.