Il-Ministeru ta’ Helena Dalli jonfoq €410,438 f’riklami

Fil-Parlament, il-Ministru Helena Dalli qalet li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-Ministeru tagħha nefaq €410,438 f’riklami. Qalet li aktar minn terz tal-ammonti li ntefqu f’riklami fl-ewwel sitt xhur tas-sena, kienu għall-promozzjoni tal-Presidenza ta’ Malta tal-UE.
Mid-dettalji li l-Ministru ppreżentat il-ġimgħa li għaddiet, jirriżulta li l-akbar ammonti, €119,899 u €144,471 intefqu f’Mejju u Ġunju, rispettivament.
Bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat tal-PN Jason Azzopardi, il-Ministru Dalli spjegat li l-ammonti jinkludu reklami li għadhom ma tħallsux. Total ta’ €324,882 marru biex jiffinanzjaw reklami tal-Presidenza.
L-Unjoni Ewropea se tħallas €50,244.
Il-Ministeru tal-Enerġija jonfoq €319,902
L-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Enerġija, li kienu taħt it-tmexxija ta’ Konrad Mizzi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, nefqu total ta’ €319,902 f’riklami.
Dawn jinkludu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Arms Ltd, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-enerġija u l-ilma, l-Enemed u d-Direttorat għas-servizzi korporattivi.
Kważi terz tal-ammont, €98,215 intefqu f’Mejju mid-Direttoar għas-servizzi korporattivi, filwaqt li fl-istess xahar l-Enemed nefqet €19,062 f’riklami.
L-informazzjoni dwar l-Enemalta ma ngħatax għax għandu valur kummerċjali.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jonfoq €40,000 f’riklami f’xahar
Dettalji ppreżentati mill-Ministru tal-Edukazzjoni juru li bejn Jannar u Ġunju l-ministeru tiegħu nefaq aktar minn €151,590 f’riklami fuq mezzi differenti. L-ikbar ammont ta’ €40,745 intefaq f’Mejju.
L-ispiża ta’ dipartimenti u entitajiet taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Finanzi ammontat għal €66,468.